Bħal fis-snin li għaddew matul ix-xahar ta’ Diċembru, il-Valletta Waterfront se jieħu xejra ta’ villaġġ tal-Milied fost tiżjin, mużika, ikel u attivitajiet oħra marbuta ma’ dan iż-żmien.

Waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali hija siġra tal-Milied armata fil-parti ċentrali tal-promenade li tlaħħaq ’il fuq minn 35 pied. Madwarha se jkunu qed jittellgħu diversi attivitajiet: minn korijiet tat-tfal u gruppi ta’ scouts, logħob life-size u sessjonijiet ta’ qari għat-tfal, wirjiet ta’ presepji u Christmas village, kif ukoll is-sehem ta’ baned ddoqq għanjiet popolari tal-Milied.

Ta’ min wieħed ifakkar li Santa Klaws u l-assistenti tiegħu se jkunu preżenti biċ-ċans li wieħed jieħu ritratt ta’ tifkira. Barra minn dan, dawk it-tfal li jimpustaw l-ittra tagħhom sad-19 ta’ Diċembru fil-kaxxa tal-ittri maġenb is-siġra tal-Milied, jirċievu risposta lura mingħand Santa Klaws flimkien ma’ sorpriża ċkejkna. Tinsewx tniżżlu l-indirizz sħiħ tad-dar fl-ittra tagħhkom!

Tajjeb ngħidu li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-attrazzjonijiet, fosthom id-dar ta’ Santa u s-Sinjura Klaws, il-ħanut tax-xogħol tiegħu u l-ġnien tas-silġ, kienu maħduma bl-idejn minn materjal riċiklat minn impjegati tal-Valletta Cruise Port taħt id-direzzjoni tal-Uffiċjal għas-Sigurtà tal-Port, is-Sur Tonio Zammit. Din is-sena nħadem Nutcracker tal-Milied kbir b’għoli ta’ ’l fuq minn 20 pied.

Bħall-bqija tas-sena, iċ-ċkejknin ikollhom xalata t’attivitajiet mingħajr ħlas immirati apposta għalihom fosthom mudellar bil-bżieżaq, face painting, krafts, u aktar. Barra minn hekk, se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ karattri popolari u l-bouncy castles ma jonqsux ukoll!

Lejlet il-Milied tiġi ċċelebrata quddiesa fit-8:30pm ġewwa Sagrestia Vault li tinkludi l-famuża priedka tat-tifel. Id-dħul ikun mill-Kappella tal-Valletta Waterfront - esperjenza unika li tinżel tajjeb ma' kulħadd!

Iċ-ċelebrazzjonijiet jilħqu l-qofol tagħhom lejlet l-Ewwel tas-Sena b’żewġ gruppi mużikali li jwasslu lil dawk preżenti sat-tokki ta’ nofs il-lejl fejn nilqgħu l-2020 b’wirja ta’ logħob tan-nar tal-ajru u konfetti. Matul is-serata ir-restoranti joffru għażla kemm ta’ à la carte kif ukoll set menus għall-gosti ta’ kulħadd.

Matul dawn il-ġranet, kif ukoll matul il-bqija tas-sena, il-parkeġġ ikun disponibbli fuq il-mollijiet b’rata fissa, jew fit-toroq tal-inħawi. Jekk tixtieq issir taf iktar jew biex tniżżel il- programm sħiħ tal-attivitajiet żuru s-sit tal-Valletta Waterfront, billi tagħfsu hawn: www.vallettawaterfront.com/christmas


Gwida.mt