Fuq il-mezzi soċjali, kmieni dalgħodu tħabbret l-aħbar li għaddiet għall-ħajja ta' dejjem Clare Busuttil. Clare kienet attivista ma' Europa Donna Malta. Xi snin ilu, tkellmet mal-paġna popolari The People of Malta fejn kienet qalet, "Naf li mhux se nfiq, imma naf li nista’ ngħix. Sirt naf li kelli l-marda tal-kanċer fl-2012 għax kelli l-ħakk f'sidri u mort nagħmel ultra-sound. Kont ħadt it-treatment mill-ewwel. Mill-ewwel ħsibt fil-ħażin."

Bl-iktar mod onest Clare kienet qalet, "Dak iż-żmien ma kellix l-għarfien dwar il-kanċer kif għandi llum. Dak iż-żmien ħsibt li 'it's a death sentence' imma għext 8 snin s'issa. Hawn 87% li jfiqu, jiena sfortunatament fost dawk it-13% li ma nfiqx minnu u se nibqa’ għaddejja bit-treatment. Ġiet bħal kundizzjoni li rrid nibqa’ ngħix bih."

Hi kompliet tgħid, "Jiġi żmien fejn tibda tgħid 'Għala jien?' Tliet snin u nofs ilu tlift lill-maħbub tiegħi f’inċident tat-traffiku. Kien persuna b'saħħtu. Spiċċa miet hu qabli. Ngħid suppost jiena kelli mmut, mhux hu! Imma l-ħajja trid tkompli, jeħtieġ li tadatta għas-sitwazzjoni. Qabel il-kanċer kont ngħum, nimxi, immur il-gym... illum ħajti kkundizzjonata."

Clare kienet qalet, "Ninħaraq meta nisma' min jgħid, 'Imma llum hawn it-trattament biex tgħix.' Ommi tgħidli li kieku jiena persuna neqred, ilni li tfajtha fil-qabar. Mhux qed ngħid li ma jkollix mumenti li fihom inħossni 'down'. Nevita lil dawk il-persuni li għal kull ħaġa ta' xejn jeqirdu jew ikunu negattivi."

Hi kienet żiedet, "Illum jiena segretarja tal-grupp Europa Donna Malta. Malta hi waħda mis-47 pajjiż f'din l-organizzazzjoni li taħdem ma' persuni li huma morda bil-kanċer. Aħna nfittxu li nissapportjaw u nedukaw lil dawk il-pazjenti li huma morda bil-kanċer. Li kieku m'hawnx il-Community Chest Fund, għal dawk li jeħtieġu l-kura jaf ikun diffiċli għalihom li jħallsuha. The Malta Community Chest Fund Foundation tgħin bil-fondi lil dawk li kontinwament jeħtieġu t-trattamenti."

Hi temmet tgħid, "Il-mewt ma tafx meta ġejja għalik. Mela agħmel il-memorji u gawdi l-ħajja! Ma tistax toqgħod tistenna l-mewt. Huwa importanti li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u jagħmel 'check-ups' fuq bażi regolari. Bħalma tieħu ħsieb tad-dehra tiegħek minn barra, jeħtieġ li tieħu ħsieb u tikkura dak li hemm ġo fik."

F'isem it-tim ta' Gwida, insellmu lil Clare u nirringrazzjawha tax-xogħol siewi li wettqet sakemm kienet qed tissielet kontra l-kanċer. Żgur li ħafna ħa jħossu n-nuqqas tagħha. Strieħ fis-sliem Clare u kompli ħares fuq il-maħbubin tiegħek. Aħna ta' Gwida, ngħaddulhom il-kondoljanzi tagħna.


Gwida.mt