Il-Kummissjoni Elettorali tavża lill-eletturi kollha ta' Malta u Għawdex li isimhom jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat, jiġifieri dak tal-20 ta' April, 2024, suġġett għal żidiet, tnaqqis, jew korrezzjonijiet ordnati mill-Uffiċjal Revizur, illi uffiċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti għall-votazzjoni minn nhar is-Sibt 27 ta' April 2024.

It-tqassim ser isir kuljum bejn it-08:00 u s-13:00 u bejn it-15:00 u d-21:00, sa nhar il-Ġimgħa 10 jew is-Sibt 11 ta' Mejju 2024, skont id-distretti elettorali.

Għaldaqstant huwa ta' ħtieġa kbira li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-sittax-il sena biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti għall-votazzjoni.

Waqt it-tqassim tad-dokumenti għall-votazzjoni l-pubbliku ser jintalab jikkonferma li jkun irċieva d-dokument/i billi jiffirma fuq il-mobile pprovdut mill-Uffiċjal tal-Pulizija, minflok il-ktejjeb li kien jintuża qabel.

Il-liġi elettorali tippermetti li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta' dawn id-dokumenti. Dawn se jkunu pprovduti b'Biljett ta' Awtorizzazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jintwera meta jkun hemm il-ħtieġa.

Id-dokumenti għall-votazzjoni għandhom jinżammu f'post fejn wieħed isibhom għax mingħajrhom ħadd ma jkun jista' jivvota f'jum il-votazzjoni.


Bradley Cachia