Kienu ħafna li tkellmu dwar Dun Marc Andre Camilleri, u f'intervista riċenti ma' Times of Malta, wera l-ispejjeż li għandhom u l-idea li jinfetaħ stabbiliment f'parti mill-ġenb tal-knisja hu biex jgħin fl-ispejjeż kbar li għandhom. Spejjeż li jkunu jistgħu biss iħallsuhom grazzi għall-ġenerożità tal-parruċċani. Maria Luana, l-attriċi u kantanta lokali, tikteb dwar il-ġid li Dun Marc Andre Camilleri wettaq tul is-snin fil-paroċċa.

Maria Luana tibda, "Tal-aħħar u nieqaf hawn. Jien għandi 37 sena, ilni għomri u żmieni noqgħod Raħal Ġdid. Raħal li għalija hu għal qalbi ħafna. Ma nistħix ngħid li kien hemm żmien fejn kont inħoss u b’għafsa ta' qalb ma kontx nersaq lejn il-knisja tagħna, għall-fatt li ġo fiha kien hemm nies li kienu jagħmlu iktar ħsara milli ġid. Kienet kiesħa u bierda minn kull bnadi."

Hi tkompli, "Tħoss li kulħadd qed iħares lejk u jiġġudikak. Illum le. B’wiċċi minn quddiem, nista' ngħid li meta l-knisja tagħna laqgħet ġewwa fiha lill-kapillan tagħna Dun Marc Andre Camilleri u l-qassisin li hemm miegħu, il-knisja tagħna xegħlet. Mhux biss fis-sbuħija għax dak ma jonqosx, kulħadd għajnejh f’wiċċu biex jaraw f’disa’ snin x'tibdil sar. Però l-knisja tagħna xegħlet blammont ta' nies li ressaq il-kapillan."

Maria Luana żżid, "Niftakar kelli t-tifel żgħir kien jiġri mal-knisja... kien qalli, 'Ħallih jiġri u jieħu gost, ara ma tmurx ma tiġix hawn hekk minħabba fih’, illum mhux talli jmur, talli b’unur hu abbati ġewwa l-istess parroċċa. Inħossni onorata wkoll li mhux talli jgħin waqt il-quddiesa biss, talli jitgħallem il-valuri sbieħ li kibru bihom l-abbatini kbar li wkoll raw din il-bidla sabiħa fil-knisja tagħna... bħal Jaime, Jake u oħrajn!"

Hi ttemm tgħid, "Allura m’hemm xejn xi tgħid fuq il-membri tal-parroċċa tagħna bil-helpers b’kollox, ħlief grazzi, u jien b’wiċċi minn quddiem nibqa’ l-ewwel waħda li nimxi id f’id mad-deċiżjonijiet li jieħdu dawn in-nies... mhux għax jien minn Raħal Ġdid biss, u forsi biased imma għax nemmen li dak li jagħmlu dawn in-nies jagħmluh b’ġenwinità u biex ikomplu jimlew il-parroċċa tagġna b’nies b’etajiet differenti, minn kbar sa żgħar. Trid tkun preżenti biex temmen dak li qiegħda ngħid. Grazzi minn qalbi!"


Emil Calleja Bayliss