Ivan, kif issa kulħadd jaf hu wieħed mill-ġurija ta' X Factor Malta, u fix-xahar ta' Settembru kellna ċ-ċans li niltaqgħu miegħu u jweġbilna xi ftit mistoqsijiet għar-rivista tagħha. Episodju li qasam magħna Ivan hu dak li għadda minnu f'Marzu li għadda, episodju li ma kien xejn pjaċevoli għalih.

Ivan spiċċa pożittiv għall-Covid-19. Hu qalilna li ma kienx żmien faċli, "Iva, barra li xogħli bħala mużiċist waqaf tista’ tgħid kompletament minħabba l-pandemija u allura batejna ħafna finanzjarjament bħal ħafna oħrajn, sfortunatament f’Marzu li għadda ħriġt pożittiv bil-Covid-19. Għadni ma nafx kif għax kont dejjem attent. Kelli niżola ruħi f’kamra waħdi għal ħmistax-il ġurnata."

Hu jkompli jgħidilna, "Kienet esperjenza kerha ħafna; tlitt ijiem minnhom uġigħ fl-għadam u fil-muskoli, konfużjoni u taħwid fil-moħħ, tlift is-sens tax-xamm u spiċċajt bla saħħa, iżda l-agħar kien għadu ġej. Wara li għamilt test u ġejt negattiv, ħsibt li l-kbir għadda, però ma kienx hekk. Jumejn wara tlift leħni u domt aktar minn xahrejn u nofs, ħafna minnhom mingħajr leħen kompletament."

Ivan jistqarr magġna, "Kont immur għand it-tabib u l-professur li poġġewni fuq mediċina apposta, però domt ħafna biex nara xaqq ta’ tama. Kif tistgħu timmaġinaw kienet fażi devastanti għalija, affettwatni ħafna moralment u mentalment. Kieku ma kinux dawk viċin tiegħi u ma sibtx saħħa ġewwa fija biex nibqa’ nittama li kollox ser jerġa’ jiġi għan-normal, ma nafx kif kien ser jirnexxili noħroġ minn din il-fażi mudlama f’ħajti."

Hu jgħidilna li l-biża' li jitlef il-vuċi kienet hemm, "kien hemm mumenti fejn xejn ma kien ċert. Beda jgħaddi ż-żmien mingħajr ma nagħmel ebda tip ta’ progress, inkubu li ma nixtieq lil ħadd jgħaddi minnu. Min baqa’ jgħid li l-Covid hija xi tip ta’ influwenza bħall-oħrajn ma jafx x’qed jgħid. II-Covid mhux ċajta. Ma ninsewx li kien hemm min spiċċa ħafna agħar minni u ħafna oħrajn tilfu ħajjithom. Kondoljanzi sinċiera lil kull min ġarrab telf."

Din l-intervista ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta' Ottubru. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.

X Factor Malta


Gwida.mt