Maxine Pace ħarġet rebbieħa tar-raba' edizzjoni ta' Mużika Mużika, li proprju waslet fi tmiemha nhar is-Sibt 16 ta' Marzu 2024. Il-paġna tagħna ta' Gwida.mt tkellmet mal-kantanta lokali li m'għandha bżonn ta' ebda introduzzjoni.

Maxine pparteċipat fil-festival lokali għall-ewwel darba, u kienet l-ewwel mara li rebħitu. Il-kantanta rebħet bil-kanzunetta Mhux tal-Aħħar, kliem ta' Emil Calleja Bayliss u mużika ta' Cyprian Cassar.

Mhux Tal-Aħħar trebbħek Mużika Mużika u tagħmlek l-ewwel artista mara li rbaħt il-konkors. X’kien l-ewwel sentiment meta rajtek fil-quċċata tal-klassifika?

Ma stajtx nemmen! Li wara dak ix-xogħol kollu fl-aħħar tisma’ l-isem tal-kanzunetta bħala rebbieħa, huwa sentiment wisq sabiħ! Dak il-ħin ma tantx naf x’ġara, kelli rogħda kbira bl-eċitament, l-iżjed fl-aħħar ftit voti, l-awtur u l-kompożitur kienu ħdejja anzjużi iżjed minni, u kull ma bdejt naħseb hu kemm nixtieq li għamilthom kburin bil-prestazzjoni tad-diska li tant ħarġu qalbhom magħha meta ħolquha.

Kif kienet l-ewwel esperjenza tiegħek li kantajt bil-Malti?

Kienet iżjed ta’ sfida għalija. Mhux tal-aħħar għandha kliem mill-isbaħ u kienet ta' sfida sabiex il-kliem jinftiehem bl-aħjar mod. Madankollu bħala l-ewwel opportunità nkanta bil-lingwa Maltija, ħassejt li bil-lingwa sabiħa tagħna u li twilidt titkellimha, l-emozzjonijiet tħosshom it-triplu!

Maxine bla dubju din is-sena l-emozzjoni fil-prestazzjoni u fil-kanzunetta tiegħek inħasset b’mod ċar. Din ġrat ukoll sena ilu meta kantajt Alone fil-Malta Eurovision. X’inhu s-sentiment li tħoss meta tarak qed tittrasmetti tant emozzjoni?

Il-mużika oriġinali tiegħi kważi dejjem trasmettiet emozzjonijiet u esperjenzi personali, u dan hu l-ispirazzjoni tiegħi biex inkompli noħloq iżjed mużika, għaliex huwa mod t'a kif nesprimi lili nnifsi. Xi kultant, tkun naqra iżjed diffiċli sabiex ma nemozzjonax ruħi wisq, l-iżjed meta nkun fuq il-palk, speċjalment f’Mużika Mużika, wara li kont għadni kemm tlift lin-nannu xahrejn qabel. Nemmen li dakinhar in-nannu għamilli ħafna kuraġġ ukoll.

Xi tgħidilna dwar it-tim tiegħek ta’ Mhux Tal-Aħħar?

L-esperjenza tiegħi f’Mużika Mużika ma kinitx tkun possibli mingħajrhom! L-awtur tal-kanzunetta, Emil Calleja Bayliss, huwa l-persuna li ħajjarni sabiex nidħol fil-festival, u minn hemm beda l-proċess sabiex niktbu Mhux tal-Aħħar, flimkien mal-kompożitur Cyprian Cassar. Mal-ewwel darba li smajt il-mużika, l-melodija u l-kliem, missitli qalbi mill-ewwel mument, għaliex kienet kanzunetta li kellha ħafna ħsieb anke sabiex jirrelatawha mal-istil u l-esperjenzi tiegħi. Wara dan, kont naf li rrid nagħmilhom kburin bil-prestazzjoni li nagħti f’kull fażi tal-kompetizzjoni, nasal fejn nasal, b’hekk bdiet il-ħidma fuq il-vuċi flimkien mal-għalliema tal-vuċi tiegħi Maria Abdilla.

It-Tim Ta

Ritratt: Facebook/ Maxine

 Meta għaddejt għall-fażi tas-semifinali, bdejna naħdmu fuq il-viżwal tal-palk flimkien ma' Gary Bugeja, l-ilbies mal-istilist tiegħi Malcolm Gauci, u fuq il-prestazzjoni ta' fuq il-palk ma' Gillian Attard u Cheryl Lofreda. Kienet esperjenza mill-isbaħ sabiex naħdem ma' dan it-tim li ddedika ħafna ħin u mħabba lejn Mhux tal-Aħħar!

Ovvjament ma nistax ma nsemmix lin-nies li tant ġrew miegħi minn provi, għall-programmi, għal photoshoots, u għamlu dak kollu li setgħu sabiex jgħinuni - oħti Ella u ħabiba tal-qalb Rachel Mangion, u kif ukoll il-Papà u l-għarus, li dejjem hemm biex jissapportjawni wkoll!

Maxine Pace Prestazzjoni

Ritratt: Facebook/ Mużika Mużika

L-isbaħ kummenti li rajt fuq il-midja soċjali jew li għaddewlek tul din l-esperjenza ta’ Mużika Mużika.

L-isbaħ messaġġi u kummenti li rċevejt, kienu mingħand nies li għaddew mill-istess sitwazzjoni, jew għaddejin minn żmien mhux daqshekk sabiħ, u qaluli kemm tagħthom kuraġġ id-diska. Dawn il-messaġġi, li għadni qed nirċievi, jimlewni b’wisq ferħ. Li permezz tal-mużika tiegħi, nista’ nagħti kuraġġ u tama lil dawk li għaddew minn żminijiet ħżiena jew tilfu lil xi ħadd qrib tagħhom.

X’inhuma l-pjanijiet tiegħek għall-futur fil-karriera tiegħek? Ħa nistennew aktar kanzunetti bil-lingwa Maltija?

Dazgur! Flimkien mat-tim bħalissa qegħdin naħdmu fuq il-vidjo mużikali għal Mhux tal-Ahhar, u kif ukoll materjal ġdid, bil-Malti wkoll!

Maxine, messaġġ mingħandek għal dawk kollha li forsi għaddejjin minn żmien diffiċli f’ħajjithom u forsi kelmtejn għal dawk kollha li dejjem isegwuk u jissapportjawk.

Naħseb l-iżjed ħaġa diffiċli li wieħed jgħaddi minnha meta jgħaddi minn sitwazzjoni fejn jitlef lil xi ħadd qrib tiegħu, hi, ‘kif ħa nkompli ħajti mingħajr din il-persuna u mingħajr il-gwida ta' din il-persuna?’. Ngħid għalija, din kienet (u ġieli għada) l-ikbar biża'. Madankollu, din l-esperjenza għallmitni kemm hi qasira l-ħajja u kemm għandna nagħmlu dak kollu li nixtiequ nagħmlu f’dan iż-żmien li għandna, b’hekk għandna nsibu l-għajnuna li għandna bżonn, is-sapport li għandna bżonn sabiex ngħixu l-ħajja bi sħiħ!

Grazzi tal-ħin tiegħek Maxine, Prosit ta' kollox, u minn qalbna nawgurawlek aktar suċċessi fil-karriera mużikali!

Facebook/ Maxine


Kyle Zarb