Ir-raba' edizzjoni ta' Mużika Mużika waslet fi tmiemha wkoll ix-xahar li għadda. Il-paġna tagħna ta' Gwida.mt tkellmet ma' grupp lokali li seraq il-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin mill-ewwel darba li deher - Kantera. 

Kantera klassifikaw fit-tieni post fil-finali tas-Sibt 16 ta' Marzu. Huma pparteċipaw fil-festival għat-tielet darba bil-kanzunetta Vjaġġ sabiħ, kliem ta' Joe Julian Farrugia u mużika ta' Micimago u tagħhom stess.

Kantera – isem familjari, maħbub minn kulħadd illum il-ġurnata. Kif beda l-vjaġġ tagħkom u x’kienu l-isfidi jew inċertezzi li forsi seta’ kellkom fil-bidu ta’ dan il-vjaġġ mużikali?

Il-kunċett li qegħdin noħolqu bil-band Kantera kien ilu fil-ħsieb tagħna, imma qatt ma sibna l-ħin li naħdmu fuqu, peress li konna impenjati b’xogħol mużikali ieħor. Fi żmien il-pandemija tal-Covid-19 kellna aktar ħin fuq idejna u ddeċidejna li nibdew naħdmu fuq dan il-proġett b’aspett folkloristiku, flimkien ma' ġeneru modern addattat għaż-żminijiet tal-lum. Ma kienx faċli għax huwa kunċett li tgħaqqad l-istrumenti tradizzjonali Maltin ma' dawk moderni u li nwasslu messaġġ pożittiv.

Din kienet it-tielet parteċipazzjoni tagħkom f’Mużika Mużika u r-raba’ darba li kontu parti minnu. Xi jfisser il-festival Mużika Mużika għalikom?

Il-festival Mużika Mużika kien ta’ pjattaforma kbira għalina, għaliex proprju waqt il-festival tal-2021 varajna l-proġett bil-kanzunetta L-Ewwel Jien - kliem u mużika ta' Joe Julian Farrugia u Elton Zarb. Minn dakinhar komplejna nħarsu 'l quddiem fejn erġajna ħadna sehem u klassifikajna fit-tieni post fl-2022 u 2024. 

Inkunu korretti jekk ngħidu li intom grupp li dejjem smajniekom tkantaw bil-Malti f’kull kanzunetta li ħriġtu u f’kull prestazzjoni li tajtu? Xi tfisser għalikom il-lingwa Maltija?

Il-proġett tagħna huwa mibni fuq dak li huwa Malti, u nkunu qed nonqsu jekk inwarrbu l-lingwa tagħna u ma nkantawx bil-lingwa Maltija. Aktar minn hekk ġieli daħħalna l-qwiel u l-idjomi Maltin fil-lirika tagħna, sabiex l-ilsien Malti jibqa' jitkattar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Xi tgħidulna dwar il-kanzunetta Vjaġġ Sabiħ? Kif ukoll dwar it-tim warajha?

Vjaġġ Sabiħ hija l-aħħar kanzunetta ħriġna u li ħadna sehem biha waqt Mużika Mużika ta' din is-sena, fejn klassifikajna fit-tieni post. Miktuba minna Kantera, Micimago u Joe Julian Farrugia. Din hija kanzunetta ferm għal qalbna, għax apparti li ħrigna b’oriġinalità li mhux biss tpaxxi l-widna bil-mużika sabiħa mħallta bejn dik tradizzjonali, folkloristika u melodija moderna, imma wkoll għamilna viżwal animat tal-ganutell waqt is-serata li turi sengħa ta’ artiġġjanat ferm sabiħa, antika u magħrufa fost il-Maltin u l-Għawdxin. Interessanti u innovattiv il-fatt li l-ganutell, apparti li qiegħed fil-viżwal, kien maħdum b'mod reali fuq il-ħwejjeġ li uzajna waqt Mużika Mużika. Il-kanzunetta Vjaġġ Sabiħ titratta l-vjaġġ ta’ ħajjitna li ma jkunx fih kollox ward u żahar, iżda meta jinqalgħu l-intoppi ma rridux naqtgħu qalbna, imma nagħmlu kuraġġ biex negħlbu dawn l-isfidi u nixmu ’l quddiem.

Kantera 5

Ritratt: Facebook/ Mużika Mużika

Xi jmiss wara l-esperjenza ta’ Mużika Mużika?

Għandna diversi proġetti li ġejjin fil-futur. L-ewwel wieħed ser ikun it-tnedija tal-album dan is-sajf, fejn ser ikun imżewwaq b’aktar kanzunetti oriġinali u bi stili differenti, fost diversi kunċerti li għandna madwar il-gżejjer Maltin.

Kieku jkollkom tagħżlu 3 kantanti lokali li tixtiequ li tagħmlu kollaborazzjoni magħhom fil-futur, min ikunu, u għaliex?

Bla dubju l-kantant veteran Freddie Castelletti, li jigi missier Claudio, l-kantant tagħna. Tony Camilleri, li kien minn tal-bidu li beda joħroġ il-kanzunetti folkloristiċi Maltin, li ħafna minnhom għadhom jindaqqu sal-lum il-ġurnata. Glen Vella, li huwa l-vocal coach tagħna u huwa bravissimu immens u dejjem kien ta' sapport kbir għalina.

Messaġġ tagħkom lill-artisti lokali, u forsi kelmtejn għas-segwaċi numerużi tagħkom.

Lill-artisti lokali li jixtiequ jibdew jiktbu kanzunetti bil-Malti ngħidulhom ma jiddejqux jiktbu u jesperimentaw għaliex għandna lingwa unika li tista' tipproduci kanzunetti mill-isbaħ bil-lingwa Maltija. Lis-segwaċi tagħna ngħidulhom Grazzi tas-sapport kbir li dejjem tajtuna għax intom il-kuraġġ tagħna biex inkomplu niktbu kanzunetti bil-Malti u nibqgħu mexjin 'il quddiem.

Grazzi tal-ħin tagħkom Kantera, Prosit ta' kollox, u minn qalbna nawgurawlkom aktar suċċessi fil-karriera mużikali!

Facebook/ Kantera


Kyle Zarb