L-awtoritajiet fiċ-Ċina żiedu l-prekawzjonijiet wara li belt fir-reġjun awtonomu tal-Mongolja kkonferma każ wieħed tal-pesta bubonika. Skont rapporti tal-istat, il-pazjent hu ragħaj u jinsab fi kwarantina fejn il-kundizzjoni tiegħu hija stabbli.

Uffiċjali qalu li kienu qed jinvestigaw ukoll it-tieni każ suspettat, skont iċ-China Times Global. Il-pesta bubonika kienet darba l-iktar marda li beżgħet fid-dinja, iżda issa tista’ tiġi kkurata faċilment. L-ewwel każ ta' suspett tal-pesta bubonika ġie rrappurtat nhar is-Sibt fi sptar fil-belt ta’ Bayannur.

Għadu mhux ċar kif jew għaliex il-pazjent seta' ġie infettat. It-tieni każ suspettat jinvolvi tifel ta' 15-il sena, li apparentement kien f'kuntatt ma' marmota kkaċċjata minn kelb, qalet il-Global Times. Saret twissija ta' livell 3, li tipprojbixxi l-kaċċa u l-ikel tal-annimali li jistgħu iġorru l-pesta u tistieden lill-pubbliku biex jirrapporta każijiet suspettati.

Każijiet buboniċi huma rari, imma għad hemm ftit każijiet li l-marda titfaċċa minn żmien għal żmien. Madankollu, huwa improbabbli li xi każijiet iwasslu għal epidemija, dan għaliex wieħed jista' jkun trattat bl-antibijotiċi. Il-marda tipikament tiġi trażmessa mill-annimali għall-bnedmin mill-briegħed u għandha rata ta' fatalità ta' madwar 30-60% jekk wieħed ma jiħux trattament għaliha.


Emil Calleja Bayliss