Il-Festival ‘Three Palaces’, imtella' minn Festivals Malta, ser iseħħ online għat-tieni sena konsekuttiva. Din is-sena, it-tema magħżula hija dik ta’ ‘Sacred and Profane’, tema li tikkommemora is-700 sena mit-twelid ta’ Dante Aligheri, l-450 sena mit-twelid ta’ Caravaggio kif ukoll l-istorja ta’ Malta. Ta’ min jgħid dawn ż-żewġ artisti t-tnejn għandhom rabta speċjali ma’ pajjiżna.

Din is-sena, Festivals Malta ħareġ sejħa pubblika għall-artisti lokali sabiex jissottomettu l-proġetti tagħhom. Id-Direttur Artistiku tal-Festival Michelle Castelletti qalet, “Matul l-istorja, l-Arti sofriet minn żminijiet ta’ inċertezza, t’ansjetà, ta’ kolliżjoni u oppressjoni”, b’konsegwenza li kemm l-artisti u l-arti ħassew l-impatt serju li seta' jkun negattiv matul dawn l-aħħar xhur tal-COVID. Għaldaqstant, il-Festival ħass li s-sejħa għall-artisti tikkumplimenta l-ħtieġa sabiex is-settur tal-arti jerġa' jqum fuq saqajh.

Apparti l-artisti lokali, ser ikun hemm ukoll il-kumpanija taż-żfin ta’ fama internazzjonali ‘No Gravity’, li ser jagħlqu l-programm tal-festival bil-prestazzjoni tagħhom ‘Inferno’. Is-sitt żeffiena ta’ Inferno ser jagħtu prestazzjoni li tisfida kull nozzjoni tal-gravità u li tippreżenta korjografija sinjura ta’ emozzjoni u effetti viżwali.

Inferno ser tittella’ fit-12 ta’ Novembru u kif għidna, din il-prestazzjoni ser tkun l-aħħar prestazzjoni tat-Three Palaces Festival. Ser ikun hemm qablu 5 spettakli oħra, kollha imfasslin minn artisti lokali li joffru taħlita ta’ mezzi espressivi, fosthom iż-żfin, il-mużika u l-moda. Tista’ issegwi dawn ir-rappreżentazzjonijiet online fuq il-YouTube Channel ta’ Festivals Malta bejn it-8 u t-12 ta' Novembru. Għal aktar informazzjoni idħol HAWN.


Emil Calleja Bayliss