Illum SterjoTipi nedew il-vidjow mużikali ta’ Ġranet Sbieħ. Il-kanzunetta kienet kantanta mill-kantant ewlieni tal-band; Mark Micallef Costa, fil-festival tal-kanzunetta Maltija; Mużika Mużika ta’ din is-sena, u waslet anke sal-finali ta’ dan il-festival.

Ġranet Sbieħ tispjega t-tranzizzjoni li ssir meta adult isir ġenitur. Il-ġranet isiru dejjem mimlijin, u dejjem għandek x’tagħmel, għaliex jeħtieġ responsabilità kbira li trabbi. Però lil hinn mill-iljieli mfarrka, lil hinn min-nuqqas ta’ ħin għalik nnifsek, lil hinn mill-kwiet li xi darba kont tgawdi ġewwa darek, il-ġranet huma dejjem sbieħ bit-tfal f’ħajtek.

Mark Micallef Costa kien żvela hekk ukoll qabel l-interpretazzjoni tiegħu fuq il-palk ta’ Mużika Mużika, "Nixtieq li din il-kanzunetta tfakkarkom fil-ġranet sbieħ li kellkom u għad għandkom f'ħajjitkom intom ukoll! Huwa sabiħ li permezz tal-mużika nxerrdu din il-pożittivita' qalb dat-taħwid, ġlied u gwerrer li għaddejin bħalissa madwar id-dinja!"

Għal aktar informazzjoni u l-aħħar aħbarijiet minn SterjoTipi, żuru il-paġni tagħhom ta’ Facebook u Instagram, kif ukoll il-pjattaformi tal-mużika online Spotify u YouTube.


Gwida.mt