Id-djar tal-imħatri ma tantx għandhom fiduċja f'Malta u l-kanzunetta Loop ta' Sarah Bonnici. Hekk kif ninsabu ġimagħtejn 'il bogħod mill-Eurovision Song Contest, l-affarijiet ma tantx qed jidhru pożittivi, hekk kif il-betting odds bħalissa qed ipoġġu lil Malta fl-aħħar tal-klassifika flimkien mal-Albanija, il-Portugall, San Marino u l-Moldova.

Sarah Bonnici se tkun qed tiftaħ it-tieni semi-finali fi żmien ġimagħtejn. Post li ħafna ma tantx iqisuh ideali iżda żgur li nittamaw li Sarah tħalli impressjoni pożittiva bil-wirja tagħha. Malta tinsab fil-15-il post minn 16-il pajjiż, l-unika pajjiż li jinsab taħtna huwa l-pajjiż ċkejken ta' San Marino. Iċ-ċans tar-rebħ hu dak ta' 1% għal pajjiżna!

Mis-sena li għaddiet, fis-semifinali tal-Eurovision Song Contest ir-riżultat waqa f'idejn il-vot tal-pubbliku u ħaġa bħal din żgur li ma taħdimx favur pajjiżi żgħar bħal Malta. Tajjeb li ngħidu li Sarah qed tagħmel l-aħjar tagħha biex tippromovi lil Malta, il-kanzunetta Maltija u anke t-talent spettakolari tagħha.

Fi ftit sigħat, filmat li tellgħat mal-kantanta minn Ċipru li se tkun qed tiftaħ l-ewwel semifinali tella' aktar minn nofs miljun view. Tajjeb li ngħidu li kien hemm snin fejn id-djar tal-imħatri ma kienux preċiżi u dan rajnieh ukoll ġewwa pajjiżna. Sarah ma kinitx il-favorita li tirbaħ il-festival ta' din is-sena iżda l-wirja tagħha wasslitha biex tirbaħ l-edizzjoni ta' din is-sena b'mod faċli mmens.

Wieħed bla ma jrid jistaqsi min huma l-favoriti ta' din is-sena? The Code ta' Nemo f'isem l-Isvizzera bħalissa hija l-kanzunetta favorita li tirbaħ il-festival b’ċans ta’ 25%, segwita minn Baby Lasagna tal-Kroazja bil-kanzunetta Rim Tim Tagi Dim b'17% u Joost Klein tal-Olanda b'Europapa b'15%.

Żgur li jiġri x’jiġri, Sarah se tkun qed tagħti l-aqwa tagħha u tagħmel lill-gżejjer tagħna kburin! Taħseb li Malta għandha ċans li tasal sal-finali tal-Eurovision 2024?

Carlton Agius


Gwida.mt