Ftit tal-ġimgħat ilu, il-preżentatriċi maħbuba tant minnkom Stephanie Spiteri tilfet lil ommha. Żgur li mhux mument faċli għal Stephanie, ħutha u missierha. Aħna kellna l-opportunità li nitkellmu ma' Stephanie u staqsejnieha fuq din it-telfa tant għażiża għaliha u għal familja tagħha.

Ritratt: Facebook / Stephanie Spiteri

Kemm kienet tfisser għalik il-mama? Tiftakar l-aħħar kliem li qaltlek?

Kull min tilef xi ħadd għażiż għalih jaf iwieġeb din il-mistoqsija. Kull min tilef lil xi ħadd li kien ifisser id-dinja għalih jista’ jifhem li ħa nikteb iktar. Ommi kienet il-kolla li tgħaqqad il-familja flimkien, kienet mara sempliċi, mhux ta’ ħafna skola imma fl-opinjoni tiegħi, l-iktar mara intelliġenti li qatt iltqajt magħha.

Kienet kwieta, tosserva u meta jkun hemm bżonn tgħaddi dak il-kumment f’waqtu. Kienet omm mill-aqwa, b’paċenzja ta’ Ġobb, u kienet sal-aħħar tara kif titbissem u ma tħalliniex ninkwetaw. Ommi kellha l-marda tal-kanċer, sirna nafu kważi ħames snin ilu. Għaddiet minn kull tip ta’ intervent, tlabna, għamilna wegħdiet, ittamajna imma f’ Marzu li għadda t-tobba qalulna li ma baqa xejn iktar xi jsir.

Jien u ħuti bqajna nieħdu ħsiebha u nikkurawha mill-aħjar li nafu sa l-aħħar nifs. Konna ħdejha nżommulha jdejha meta ħallietna. Kienet ilha tbati, tbatija li ħadd m’għandu jgħaddi minnha. L-aħħar kliem? Love you... ma tantx felħet titkellem imma dawk kienu joħorġu ċari. Għandi filmat fuq il-mobile li narah kważi kuljum u nismagħha tgħidli dawn il-kliem... iżommuni għaddejja.

Ritratt: Stephanie Spiteri

Kieku kelli nsaqsik x’inhi jew x’inhuma, l-iżjed ħaġa li tgħożż f’ħajtek xi tgħidli?

L-iktar ħaġa li ngħożż f’ħajti? Lil missieri, lil ħuti Anna u Magda, lit-tifel Michael u lil ftit individwi li għalija huma familja. Dawn kienu miegħi fil-ħafna ġranet li bkejt u bkejt, żammewli jdejja u qaluli li kollox ħa jkun OK.

Għallmuni li wasal iż-żmien, li sejra f’ post aħjar. Dawk li kienu jibagħtuli sms biex jaraw kif inhi meta kienu jafu li m’ hemmx tama. Dawk li rawni nidħaq fuq it-televiżjoni u nibki wara l-camera. Ommi mietet fit-30 ta’ Novembru, kont ili xahrejn nagħmel programm live fejn kienet fi stat kritiku, fejn ta’ kuljum nitlaq minn ħdejha u ma nafx jekk hux se nerġa’ naraha ħajja.

Nitlaq minn ħdejha u mmur nagħmel ix- xogħol tiegħi, li nippreżenta ta’ kuljum. Kienu ġranet iebsin ħafna fejn kont inħoss li qed inġorr toqol enormi, kelli aptit li nitkellem u naqsam qalbi mat-telespettaturi però dejjem ippruvajt inżomm in-normalità.

Ma nista’ qatt ninsa s-sapport li kelli minn dawk li naħdem maghħom li kienu kollha on stand by ħalli jekk jiġri xi ħaġa inkun nista’ nitlaq. Żmien diffiċli ħafna li però rnexxieli ngħaddi minnu speċjalment bis-saħħa taż-żewġ ħuti li konna nibku flimkien u nitkellmu l-hin kollu.

Ritratt: Stephanie Spiteri

Steph, onestament ħallejtna bla kliem. Li titlef lil xi ħadd daqshekk għażiż mhi qatt faċli imma li ssib nies miegħek kull ħin u kull mument sabiex ikunu spalla għalik hi xi ħaġa speċjali ferm. Żgur li l-professjonalità tiegħek meta kont għaddejja minn mumenti daqshekk diffiċi ġiet apprezzata ferm mit-telespettaturi!


Clifford Galea