L-eks goalkeeper tat-tim nazzjonali Justin Haber iddeċieda li jittanta xortih fil-politika lokali, hekk kif se jkun qed jikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali għal siġġu fil-Kunsill Lokali tal-Furjana.

Haber ħareġ mill-akkademja tal-istess lokalità u lagħab total ta’ 49 partita f’żewġ perjodi mal-klabb. Dawn kienu mill-1998 sal-2002 u mill-2016 sal-2017. Haber kellu ċ-ċans jilgħab fi klabbs ġo Franza, il-Belġju, il-Greċja, mat-tim Ingliż Sheffield United u l-ġganti Ungeriżi Ferencvárosi TC.

Lil hinn mill-futbol lil Justin rajnieh jikseb isem, bir-ristorant tiegħu li jispeċjalizza fil-ħut Haber 16 li saħansitra deher fuq l-ispettaklu ta’ Netflix, Restaurant On The Edge.

Fuq il-profil tiegħu hu jistqarr, "Issa li għext 40 sena minn ħajti fostkom, naf il-ħtiġijiet tagħna, u nħoss li issa jmiss li nuża l-għarfien u l-ħiliet tiegħi għall-ġid komuni. Għalkemm jista' jkun li jien wieħed ġdid għalikom fil-Politika, nassigurakom li b'umiltà u lealtà se nkun qiegħed inkun fostkom; nisma' l-ilmenti u s-suġġerimenti tagħkom u nirsisti biex ikollna lokalità ferm aħjar milli digà għandna."

Facebook / Justin Haber


Emil Calleja Bayliss