Il-kantanta li tkellimna magħha dwar il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena hi dik li rrappreżentatna fil-Eurovision Song Contest fl-1997, kif ukoll riċentament ħarġet il-kanzunetta tagħha, Jien Mill-Ġdid

X’tgħallimt mis-sena 2021?

L-2021 ġabet taħlita t'emozzjonijiet u ta' realtajiet ġodda, li qatt ma kont nobsor li ngħaddi minnhom. Tgħallimt li l-kontrol tas-sitwazzjoni jista' jaħrab minn taħt idejk f'tebqa' t'għajn.

Għandek xi riżoluzzjonijiet għas-sena 2022? Jekk iva liema huma?

 Jien qatt m'emmint fir-riżoluzzjonijiet u żgur mhux se nibdihom issa.

Hemm xi ħaġa li tinsab ħerqana biex tagħmel fis-sena li ġejja (li forsi għadek m’għamiltx fl-2021 jew fil-passat)?

Nittama li l-2022 iġġib magħha aktar serenità u sempliċità fil-ħajja, nitgħallmu napprezzaw aktar il-mument. Inħares 'il quddiem għal aktar proġetti mużikali f'ħajti.

L-akbar emozzjoni li ħassejt matul is-sena li għaddiet. X’fissret għalik?

L-2021 kienet sena li tagħtni l-ħelu imma anki l-morr.  Kont f'Mużika Mużika, u nhedejt silta ġdida b'vidjo mużikali, iżda kont ma niflaħx ukoll u minn hawn nirringrazzja lill-familja, lill-ħbieb tal-qalb u kollegi, li kienu hemm għalija u ssapportjawni bil-kbir.

Temmen li l-esperjenzi u l-episodji (anke jekk koroh) li tgħaddi minnhom jgħinuk tikber u ssir aktar soda? Kif għenitek issir aħjar l-2021?

Kull esperjenza tgħinek tikber u tissoda. Ferħana li kont parti mill-kast tal-musical mtella' minn Teatru Malta, Il-Qfil u l-Helsien skont Manwel Dimech ta' Victor Jacono u Kris Spiteri, li reġa' ħeġġeġ fija n-namra għat-teatru flimkien mal-mużika. U dan dawwalli l-2021.

X’tixtieq titlobha lis-sena 2022?

Ma nitlobha xejn speċjali lill-2022 ħlief saħħa, għaqda fil-familja u aktar mużika.

Kieku kellek tagħżel motto għas-sena l-ġdida, xi jkun?

Il-motto tiegħi ikun: Tolleranza, Imħabba u Paċenzja

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?

Ngħid grazzi lil dawk kollha li jsegwuwni u li jissapportjaw it-talent lokali għax mingħajrkom m'aħna xejn.

It-tim ta' Gwida.mt jirringrazzja lil Debbie tal-ħin li qassmet magħna għal din l-intervista. Minn qalbna nawguraw lilha u lill-familja kollha l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida!


Kyle Zarb