Wara s-suċċess li l-film il-misteru Tal-Għoġol Tad-Deheb kellu fiċ-ċinema lokali, il-producers iddeċidew li jipproduċi serje fuq it-televiżjoni bl-isem Tal-Għoġol Tad-Deheb. Is-sena l-għaddiet dehret l-ewwel edizzjoni, waqt li f’Ottubru se tkun qed tidher it-tieni u l-aħħar edizzjoni ta’ dan id-drama. Id-drama tkompli mal-avventuri li rajna fil-film. Din id-drama, li hi waħda mimlija misteru u avventura, hi immirata għat-tfal u għall-familji.

L-ewwel edizzjoni tas-serje bdiet billi fakkritna fl-avventuri li l-kuġini Pia u Sandro għaddew minnhom hekk kif sabu mappa tat-teżor u bdew ifittxu l-għoġol tad-deheb, liema teżor hu msemmi fil-Bibbja. It-tfal kienu spiċċaw f’labirint perikoluż taħt l-art li fih grupp ta’ tfal Maltin ikun intilef fis-snin 40. Sadattant, il-kuġini skoprew sigrieti kbar u antiki li l-familjari tagħhom kienu ilhom is-snin jaħbulhom, liema sigrieti biddlu l-ħajja ta’ kulħadd. Minbarra hekk u grazzi għall-avventura tagħhom, it-tfal tgħallmu dwar il-fatt li l-ikbar teżor hu l-familja.

Waqt ir-repetizzjonijiet ser naraw kif Pia ssir taf lil Jaden, tifel li intelliġenti ħafna, wara li dan jiġi joqgħod id-dar tagħha għal ftit ġranet. Dan għaliex ommu, li tkun kollega taz-Zija Rita, tkun marret l-isptar tagħmel operazzjoni tal-ftuq. Minbarra hekk, Pia tagħmel ħbieb ma’ Margerita, tifla kwieta u qalbha tajba. Sadattant, ikunu sparixxew żewġt itfal… U Pia tkun l-aħħar waħda li tkun rat lil waħda minnhom.

Waqt li jkunu qed iqallbu fid-dar ta’ Pia, jsibu d-djarju tan-Nanna Carmen li tkun kitbitu meta kienet għadha tifla. It-tfal jiskopru li Carmen tifla kienet baqgħet tfittex lil ħuha l-mitluf taħt l-art hekk kif kulħadd kien qata’ qalbu li hu u sħabu qatt kienu se jinsabu. Carmen kellha wkoll ħabiba immaġinarja, li Pia temmen li din kienet fantażma. Dil-ħabiba kienet wegħdet lil Carmen li se tgħinha tfittex lil ħuha.

Pia, Jaden u Margerita jsibu wkoll mappa tal-ġilda stramba ħafna, li twassalhom biex imorru jfittxu fil-katakombi. Hemmhekk jaraw raġel li mhux biss ibeżżagħhom, imma anki jiġri warajhom. Imma min hu r-raġel? U għaliex ikun irid iwaqqafhom milli jinvestigaw f’ikun hemm fl-għerien? Hawnhekk tajjeb li nżidu li t-tfal iridu jitgħallmu li għandna niċċelebraw il-fatt li kulħadd hu uniku, waqt li l-iktar ħaġa importanti hi li tkun kapaċi taħdem f’tim u mhux biss għal rasek.

Tajjeb li nżidu li f’dawn ix-xhur tas-sajf se nkunu qed niġbdu l-filmati għat-tieni u l-aħħar serje tad-drama, li kien semmejna ser tibda tidher minn Ottubru. Għażilna li niġbdu fis-sajf għal żewġ raġunijiet. Ir-raġuni l-iktar ovja hi li t-tfal ma jkollhomx skola u għalhekk nużaw il-vaganzi tagħhom tas-sajf biex niġbdu l-filmati. Imbagħad ma ninsewx it-tfal kemm jikbru malajr u għalhekk jagħmel sens li l-ġbid isir kemm jista’ jkun f’daqqa mingħajr ma jkun hemm dawmien żejjed bejn il-ġbid.

“Is-serje hi ispirata minn leġġendi lokali popolari, jiġifieri l-leġġenda tal-għoġol tad-deheb u l-leġġenda ta’ Wied Speranza. L-istorja tagħna hi waħda oriġinali li tinvolvi diversi karatteristiċi marbuta ma’ films tal-misteru u l-avventura, waqt li fl-istess ħin hi waħda differenti u mimlija b’surpriżi. Imbagħad il-karattri huma żviluppati b’mod estensiv, tant li l-udjenza żgur li se jirrelataw ruħhom magħhom. Fil-fatt nemmen li dan hu s-sigriet prinċipali għalfejn il-film, is-serje u anki l-kotba kisbu tant suċċess u huma tant maħbubin mal-Maltin kollha.

“Minbarra hekk nirringrazzja lit-tim kollu tagħna, jiġifieri kemm il-kast kif ukoll il-krew speċjalment għax naf li kull individwu qed jagħmel ħiltu kollu tiegħu. Ir-riżultat tal-isforzi ta’ kulħadd hu evidenti grazzi għal-livell li s-serje se jirnexxielha tilħaq,” tispjega Ruth Frendo, li hi l-kittieba.

“Is-serje L-Għoġol tad-Deheb iżżewwaq l-istorja, il-leġġenda u l-avventura b’mod mill-iktar interessanti. Kull membru mill-kast u l-krew tagħna għandu attitudni tassew tajba tant li qisna familja. B’riżultat li aħna tassew kburin bix-xogħol tagħna, tant li jintgħoġob mill-udjenzi ta’ etajiet differenti, b’mod speċjali l-familja fejn kemm it-tfal kif ukoll l-adulti se jieħdu gost jarawh,” jispjega Charlo C Bonnici, li hu wieħed mill-producers tas-serje.

Tajjeb li nżidu li l-lokalitajiet li qed jiġu wżati huma tassew interessanti. Id-dar prinċipali li qed tiġi wżata, id-dar tan-nanna Carmen, isservi bħal karattru fiha nnifisha. Dan għaliex id-dar Maltija tirrappreżenta lin-nanna Carmen: interessanti, affaxxinanti, invitanti, u mimlija b’misteri, sigrieti u b’affarijiet ta’ stagħġib. Il-daqqiet tal-minutieri mill-arloġġ tal-pendlu li jinstemgħu f’xi xeni, ifakkruna fit-tħabbit ta’ qalb in-nanna Carmen. Postijiet oħrajn jinkludu postijiet differenti fuq il-blat u fil-kampanja madwar Malta.

L-atturi jinkludu lit-tfal Neve Mansueto, Gabriel Borg, Yanika Camilleri u Amber Mansueto. Imbagħad il-kast veteran jinkludi lil Tonio Vella, Henry Zammit Cordina, Christabelle Scerri u Deandra Agius, fost l-oħrajn. Il-kitba hi f’idejn Ruth Frendo waqt li l-produzzjoni hi ta’ Charlo C Bonnici u Ruth. Imbagħad Malcolm Camilleri kien qed jieħu ħsieb il-ġbid tas-serje, waqt li Luke Camilleri ħa ħsieb tar-rekordjar tal-vuċijiet. Mary Anne Zammit qed tiddiżinja u tipprepara l-kostumi kollha li qed jiġu wżati.

Imbagħad kull programm jispiċċa bil-kanzunetta Minn Issa ‘l Quddiem miktuba u kantata minn Dav. Jr; li mhux biss ġiet miktuba apposta għall-film u għas-serje, imma anki telgħet fil-quċċata tal-kanzunetti lokali. Min-naħa l-oħra waqt il-film u s-serje nistgħu ngawdu minn biċċiet tal-animazzjoni oriġinali li ġew maħluqin minn Christ Scicluna u Jake Spiteri.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Facebook / L-Għoġol Tad-Deheb


Gwida.mt