Brillanti tista' tgħid li llum stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa programmi fix-xena lokali. Programm li jixxandar fuq ONE fejn jagħti spazju lit-talent Malti jikber, jiffjorixxi u jiġi skopert ukoll mill-pubbliku.

L-ewwel sensiela rajna l-element klassiku jispikka bir-rebbieħ ta' Brillanti Goes Classical ikun il-vjolinist Samuel Cutajar, it-tieni sensiela rajna ż-żfin jispikka u r-rebbieħa kienu d-duo Chloe u Miguel, filwaqt li l-edizzjoni li għadha kif spiċċat iffukat fuq it-teatru mużikali u dan intrebaħ minn Kristen Abela.

Ir-raba' sensiela ħa tkun qed tiffoka fuq l-element vokali, fejn se tagħti ċans uniku lil diversi kantanti jispikkaw f'din l-edizzjoni bir-rebbieħa jidħlu fiċ-ċans li jirbħu €30,000. Is-sejħa hi ċara, it-tim tal-produzzjoni qed ifittxu kantanti, dwetti, grupp, korsijiet u bands minn kull ġeneru possibbli.

Talent nafu li għandna ħafna u ċertament li l-isfida se tkun diffiċli, iżda min se jirbaħ Brillanti ċertament li se jkun spikka ġimgħa wara ġimgħa. M'hemmx età u b'hekk nistennew li naraw talent ta' kull età, minn kantanti żgħar għal dawk kbar. Forsi naraw xi gruppi magħmula minn familjari jikkompetu wkoll.

Li nafu żgur li nistennew edizzjoni interessanti għall-aħħar fejn it-talent li naraw ma jkun xejn ħlief speċjali. Jekk taf lil xi ħadd interessat li japplika jista' jagħmel kuntatt mat-tim tal-produzzjoni fuq 9922 9011.

Titilfux dan iċ-ċans li tkunu fuq programm li jagħti tassew valur lit-talent Malti u dejjem ikollu nies ta' stoffa li bħala ġurija, nies li jaħdmu b'mod professjonali fil-qasam tal-ispettaklu u b'tant snin ta' esperjenza warajhom.


Emil Calleja Bayliss