Waqt il-programm Rasimbras fuq TVMnews kien mistieden il-psikjatra Dr. David Cassar fejn tkellem dwar is-sitwazzjoni tas-suwiċidju kemm f'pajjiżna kif ukoll madwar id-dinja. Jibda billi jispjega li r-rata ta' suwiċidji mhux neċessarjament qed tiżdied, iżda kull każ huwa iebes. "Kull persuna li nitilfu hi telfa enormi."

Dr. Cassar jispjega kif fuq il-midja soċjali kulħadd qed jagħti l-idea tiegħu u jitkellem bil-mod tiegħu, u ħafna drabi qed tagħti l-impressjoni li qed ikollna żieda fis-suwiċidji. 

"Hi parti mill-prevenzjoni li nikkreaw għarfien... li nifhmu x'irridu nagħmlu biex ngħinu persuni li huma f'riskju. Hemm bżonn... imma li ngħidu għax dak jew dik għamlet hekk għax ġralha hekk u għamlitha b'dan il-mod, hemm qed issir ħafna ħsara."

Il-psikjatra jispjega kif 1 minn kull 4 persuni madwar id-dinja jkollhom problemi ta' saħħa mentali. Jgħid li, "50% tan-nies li jtemmu ħajjithom, qatt ma jkunu fittxew għajnuna. Dan messaġġ importanti għall-poplu. Din taffettwa mhux biss lili bħala psikjatra, imma jaffettwa lil kull proxxmu."

Isemmi wkoll il-mod kif għandna nġibu ruħna ma' persuna li naħsbu li tkun għaddejja minn problemi ta' saħħa mentali jew mumenti fejn qed taqta' qalbha. Importanti li kliemna jkun ta' komfort, li ngħidulha li mhumiex weħidhom, li hemm aħna li ħa nisimgħuhom, u m'għandhomx minn xiex jistħu jew jiddejqu. 

Għandna nħeġġu lil dak li jkun biex ifittex l-għajnuna. Dr. Cassar isemmi wkoll dwar l-istrateġija li qed jaħdmu fuqha l-awtoritajiet. Segwi aktar HAWN


Gwida.mt