Meta kont taf li ridt tidderieġi A Clockwork Orange?

Minn dejjem kelli l-interess f’dak li huwa prattikament il-kult ta’ A Clockwork Orange. L-ewwel li smajt bih, bħal bosta, huwa permezz tal-film ta’ Kubrick. Però propjament huwa ktieb li ħareġ fl-1962. Issa, wieħed irid jikkunsidra li aħna qed nagħmlu adattament tal-play li Burgess kiteb fl-1986. Dan ix-xogħol, biss biss, għandu tmiem differenti kemm mir-rumanz oriġinali kif inhu ppubblikat fl-Amerika kif ukoll mill-film ta’ Kubrick.

Infatti, it-tmiem li ried Burgess, kien ġie maqtugħ mill-pubblikaturi u kienet parti mir-raġuni għalfejn Burgess stess ma kienx iħobbu wisq il-ktieb, u wisq anqas il-film, ta’ Kubrick. Wieħed irid isemmi wkoll li ftit jafu li l-ewwel film ibbażat fuq A ClockWork Orange kien fil-fatt għamlu Andy Warhol fl-1965 u kien iġib l-isem ta’ Vinyl.

Kont naf li wasal il-ħin għal Clockwork meta ŻiguŻajg qalulna li jixtiequ jaħdmu magħna fuq xogħol effettiv għaż-żgħażagħ għax huwa l-aktar grupp ta’ età diffiċli biex jiġbdu lejn it-teatru. Ftehemna li nipproduċu xogħol li ma jibżax jitkellem fuq affarijiet relevanti u sfaċċati li dawn iż-żgħażagħ qed jgħixu, jew se jiltaqgħu magħhom.

Fuq l-aħbarijiet, kemm-il darba niltaqgħu ma’ vjolenza f’postijiet frekwentati miż-żgħażagħ, ma’ problemi ta’ drog, problemi bis-sistemi korrettivi? Kemm-il żagħżugħ jagħmel xi għażla ħażina xi darba jew oħra? Naħseb issa, aktar minn qatt qabel, wasal iż-żmien li ż-żgħażagħ jifhmu A Clockwork Orange, kif riedha Burgess.

Kif iddeċidejt li tipproduċi l-ispettaklu bil-Malti?

A Clockwork Orange huwa probabbli wieħed mill-aktar xogħlijiet diffiċli biex wieħed jittraduċi għal kull lingwa, minħabba n-Nadsat, il-lingwa fittizzja li biha jitkellmu d-droogs. Kien għalhekk li ġietna xortina tajba b’Wayne Flask li għamel biċċa xogħol tajba ħafna fil-fehma tiegħi, la r-rumanz u lanqas il-play qatt ma ġew tradotti għall-Malti. Ħasra hux, meta ġew tradotti b’ħafna lingwi oħra u trattati minn ħafna artisti. Xi eżempji huma ċ-Ċiniż u l-Bulgaru.

Allura għalfejn bil-Malti le? Minbarra l-fatt li Anthony Burgess kien jgħix Malta għal tul ta’ żmien, il-ktieb ġie ċċensurat anke hawnhekk. Fl-1970 kien għamel lecture dwar il-pornografija u ċ-ċensura u bellah lil ħafna Maltin konservattivi dak iż-żmien. Meta kien jgħix hawn, prova jġib il-librerija tiegħu minn barra, imma qalulu li jistgħu jagħtu l-kotba biss wara li jaqrawhomlu, imbagħad jiddeċiedu jekk jagħtuhomlux jew le.

Din il-lecture kienet speċi ta’ risposta għal dan it-trattament tal-letteratura. Infatti, f’mument minnhom waqt din il-lecture, kien staqsa jekk l-fidi u l-moralità tal-Maltin humiex daqshekk dgħajfa li ma jistgħux jirreżistu ideat ġodda. Ftit wara, meta mar vaganza, kienu rrekwiżizzaw d-dar tiegħu f’Ħal Lija. Issa 59 sena wara, qed nagħmlu A Clockwork Orange, kif xtaqha hu, għall-udjenza żagħżugħa. Hemm ċertu ironija romantika, le?

A Clockwork Orange għandha reputazzjoni li tasal qabilha; kif beħsiebek tippreżenta dan id-dramm kult klassiku għall-udjenza żagħżugħa, 14+?

Wieħed ma jridx jinsa li n-narattur prinċipali tal-ktieb oriġinali, Alex, għandu 15-il sena. Il-ktieb inkiteb mill-perspettiva ta’ dan il-karattru. Ma tantx hawn kotba miktubin mill-perspettiva ta’ żagħżugħ li għamel is-suċċess dinji li għamel A Clockwork Orange. Tgħid għalfejn?

Saru bosta addattamenti ta’ Clockwork mad-dinja kollha. Eżempju wieħed irid isemmi li fl-1990, ir-Royal Shakespeare Company ħolqot mainstream musical, ibbażat fuq A ClockWork Orange bil-mużika mitkuba mill-membri tal-U2. Ħalliha li lil Burgess, spiċċa m’għoġbux.

Minkejja dan, nammetti li din il-produzzjoni hija probabbli l-akbar sfida kemm ilni nidderieġi. Dan kollu jiġi midluk bil-balzmu għax għandi kast eċċezzjonali li qed jagħtu l-ħajja lil din l-istorja li titkellem fuq Moralità, Psikoloġija, l-assurdità tan-natura tal-bniedem b’enfasi partikolari fuq ż-żogħżija.

Infatti, wieħed jista’ jgħid li Larinġa Mekkanika hija diġà dwar iż-żgħażagħ. Kull addattament però jista jagħmilha relevanti, xokkanti, skomda, vjolenti jew komika kemm jixtieq, imbagħad f’idejn l-udjenzi biex japprezzaw l-validità. Kif ħa naddatawha aħna? Ejjew u araw hux ... u lil Burgess togħġbu tgħid?

Larinġa Mekkanika se tkun qed tittella’ ġewwa l-Valletta Campus Theatre mill-21 sal-24 ta’ Novembru u hija parti minn ŻiguŻajg 2019. Għall-biljetti u għal aktar informazzjoni żuru ziguzajg.org.mt

Facebook / Sean Buhagiar


Anthony Baldacchino