43 Edizzjoni Tal-Għanja Tal-Poplu rebaħha Philip Vella bil-kanzunetta ‘Il-Verità’. Din kienet it-tielet dabra li Philip qatt rebaħ il-festival! L-ewwel rebħa tiegħu kienet b’Kemm Jien Beżżul fl-1998 u fl-2002 kien rebaħ bil-kanzunetta Fil-Każ Grazzi. Għal philip it-3 kanzunetti jfissru ħafna, staqsejnieħ ftit dwarhom!

Tgħidlina ftit fuq dawn il-kanzunetti u xi jfissru għalik: Fil-Każ Grazzi (2002) u Kemm Jien Beżżul (1998)...

Dawn iż-żewġ kanzunetti kellhom lirika ta’ Joe M Farrugia u mużika tiegħi. Kemm Jien Beżżul kienet il-kanzunetta li biha rbaħt l-ewwel festival fil-karriera tiegħi. L-ironija hi li dik il-kanzunetta ma ktibthiex għalija imma għal Herman Bonaci, u billi hu għaddewlu żewġ kanzunetti u jien m’għaddhieli xejn għall-festival ta’ dik is-sena, ċedieha biex nagħmilha jien.

Fil-Każ Grazzi kienet kanzunetta għal qalbi għax titratta nies egoisti li bla skruplu jiġu jaqgħu u jqumu min-nies oħra. Bl-azzjonijiet tagħhom, jaffettwaw ħazin ħajjet ħafna nies. Minn dawn għad hawn ħafna jiġru mas-saqajn.

Wara 3 rebħiet taħseb li għadek beżżul?

Sodisfatt li min meta rbaħt il-festival b’Kemm Jien Beżżul, irbaħt ħafna iktar festivals u allura żgur ma nistax inqies lili nnifsi beżżul. Sodisfatt li minn dakinhar għadda ħafna żmien u għadni nikteb materjal li jiġi apprezzat. Żgur mhiex xi ħaġa faċli għax dejjem jinbtu nies ġodda ta’ talent, b'ideat ġodda u interessanti, u dak li jżommni attiv u motivat biex nibqa’ għaddej fil-karriera mużikali.

Fil-Verità kemm huwa importanti Għanja Tal-Poplu?

Jiena nammira immens lill-kumitat tal-Għanja tal-Poplu, li jaħdmu b’volontarjat, u li żammew dan il-festival uniku ħaj għal 43 sena. Inkredibbli. Festival importanti għax l-ewwel nett, jagħti importanza lil-lingwa Maltija. Hawn għatx kbir għal kanzunetti bil-Malti u dan il-festival qiegħed ikun font ta’ kanzunetti ġodda. Nammira lis-sorsi tal-midja li jagħtu promozzjoni u ħin lil dawn il-kanzunetti. Għandna bżonn ħafna iktar li jagħmlu hekk. Nammira ukoll il-fatt li irnexxielhom ikabbru l-festival għal-livell li kien din is-sena, fejn nahseb li kien ta’ livell tajjeb ħafna.

Onestament stennejt li ħa tirbaħ? Kien hemm xi kanzunetta li laqtitek l-aktar?

Onestament ma stennejtx li ħa nirbaħ. Il-Verità hi kanzunetta għall-qalbi immens għax tirrifletti ħafna li still ta’ mużika li inħobb jien. In-nies jippretendu kanzunetti umoristiċi u sarkastiċi minn Philip Vella, u kull meta ippruvajt inbiddel li stil, ma ksibtx riżultati pożittivi.

Allura r-rebħa ta’ din is-sena tagħtni sodisfazzjon speċjali. Kien hemm ħafna kanzunetti u ħafna kantanti tajbin li għoġbuni, u dak li għamlu festival ta’ livell.

Fl-2015 ġejt mogħti it-trofew l-għanja li tibqa', x’ġiegħlek terġa' tieħu sehem?

Min meta ħadt sehem l-aħħar, introduċew l-orkestra live. Ma kontx kuntent bl-ewwel tentattivi, imma illum, b’orkestra ta’ 40 ruħ, hi esperjenza sabiha immens. Ippermettili nieħu l-opportunità ngħid prosit lill-membri tal-orkestra kif ukoll lill-Mro. Joe Brown għall-isforzi li għamlu biex ippreżentajna l-kanzunetti kif xtaqna. Ma nistax ma nsemmiex it-tekniċi li ħadu ħsieb is-sound li tant kien tajjeb u professjonali.

X’Jimpurtani tibqa’ waħda mil-aqwa tiegħek. Xi tfisser għalik din id-diska u għaliex kienet inkitbet?

X’Jimpurtani, fuq lirika ta’ Mario Fenech Caruana, kienet il-kanzunetta li introduċietni mal-pubbliku Malti. Għaddew 24 sena u għadha popolari sal-lum. Kont ħadt sehem biha u ġejt it-tieni, f’dak li nikkunsidra bħala l-aqwa festival tal-Għanja tal-poplu li qatt sar. Qiegħed ngħid hekk minħabba il-livel ta’ kanzunetti li ħadu sehem.

Fil-fatt kont ktibt żewġ kanzunetti oħra f’dak il-festival li kont qiegħed nikkonċentra fuqhom u ‘X’jimpurtani’ kont għamiltha biss bħala ċajta. In-nies għoġbithom, forsi anke għax introduċejna r-rap f’kanzunetta Maltija għall-ewwel darba.

F’isem Gwida.mt nawguraw lil Philip għal dan is-suċċess u nittamaw li nisimgħu aktar u aktar kanzunetti minn naħa tiegħu, jekk forsi mhux bħala kantant imma bħala kompożitur. Awguri Philip.


Emil Calleja Bayliss