Ilbieraħ Malta tilfet lil Pawlu Cauchi, id-29 persuna li mietet f’pajjiżna bil-Covid. Iżda Janice Barbara Gatt - li Pawlu jiġi n-nannu tagħha - żvelat fuq il-midja soċjali min verament kien dan ir-raġel. “Pawlu Cauchi mhux biss id-29 persuna li mietet f'Malta bil- Covid. Wara dan in-numru hemm raġel devot għal martu, li matul iż-żwieġ Alla berikhom b'seba' wlied,” kitbet Janice.

“Kien ma' martu Tereża fiż-żmien ta' nuqqas ta' dawl tagħha u wara mewtha baqa’ indipendenti biex ma jkun ta' piż fuq ħadd. Kien hemm għall-familja jsewwi l-karozzi u meta naqas ix-xogħol f'Malta kien minn tal-ewwel li mar jaħdem il-Libja biex jaqla' l-ħobza ta' kuljum ghall-familja.”

Janice kompliet tgħid kif Pawlu “Kien hemm jara lill-uliedu jikbru, jiżżewġu u jkollhom l-ulied. Kien nannu kburi ta' 16. Ghamilha ta' taxi ghall- familja kolla speċjalment id-dwawar fil-kampanja kull nhar ta' Ħadd. Kien magħna meta bdew ġejjin il-proneputijiet, 14 b' kollox u fil- mewt ta’ Juan li tant baqa' jgħozz.”

“Kellu familja kbira li kien iħobb u jħobbuh lura, kien rispettat mill-ġirien għax ċajtier ma' kull min jiltaqa’.”

“Kaġun ta' din il-marda fl-aħħar 18-il ġurnata ta' ħajtu kien imċaħħad milli jara u jarawh l-għeżież tiegħu, imma fuq it-telephone b'leħen sod kien jgħidilna ‘Kunu mberkin, ħudu ħsieb xulxin, jien tajjeb , hawn qed jieħdu ħsiebi’. Dan kien Pawlu Cauchi li ħalla din id- dinja ta' 90 sena  fil- 25/09/2020.”

Strieħ fis-Sliem għażiż Pawlu. Kien ħaqqek aħjar.

Facebook/Janice Barbara Gatt


Nicole Barbara