Ħadna gost naraw ħames kantanti Għawdxin fuq Sibtek jitkellmu u jiddiskuta ma setax jonqos li jkun hemm ċertu paragun bejn l-Għawdxin u l-Maltin. Francesa Borg temmen li "l-Għawdxin aktar paċenzjużi" meta kkumparati mal-Maltin u forsi dan minħabba li ġejjin minn ambjent aktar kalm.

Id-diskussjoni malajr daret fuq il-famuża mina u jidher li l-maġġoranza tal-kantanti preżenti jaqblu magħha. Deborah C tippreferi li tħares lejn iż-żewġ aspetti u tgħid li hemm it-tajjeb u l-ħażin. Dan kien ħsieb li tista' tgħid qablu miegħu imma dejjem wieħed ikollu xi preferenza jew oħra.

Joseph jgħid li għalkemm ma jaqbilx mal-mina, hu ma jaqsamx ta' kuljum jiġifieri mhux il-persuna ideali sabiex jgħaddi l-opinjoni tiegħu. Hu jistqarr li Għawdex taf jinbidel minn dak li hu llum il-ġurnata, iżda jekk il-mina ssir jemmen li ż-żgħażagħ jista' jkollhom aktar opportunitajiet.

Miriam Christine favur il-mina għax temmen li "Għawdex jistħoqlu ċertu investiment ukoll", hi tkompli tisħaq li tibża' "li Għawdex jispiċċa per eżempju bħala gżira ta' folklor biss". Sarah qalet li għalkemm għamlet sajf sħiħ taqsam ta' kuljum xorta tibqa' xettika.

Intom x'taħsbu taqblu mal-famuża mina jew mhux daqshekk konvinti?


Emil Calleja Bayliss