Miriam Christine din is-sena għamlet ir-ritorn tagħha fix-xena lokali permezz tal-album mużikali tagħha bl-isem ta' Dil-Mara. Album li jirrakonta l-ġrajja tagħha, esperjenzi personali li jagħmlu lil Miriam dak li hi llum! Aħna kellna ċans nitkellmu magħha u nsaqsuha fuq dan il-jum għażiż!

Tħobb iżżejjen għal festi tal-Milied? Jekk iva, minn meta tibda tarma?

Inħobb inżejjen ħafna. L’hena tiegħi nara d-dar imżejna u nħobb ikolli kollox lest wara l-ewwel ġimgħa ta’ Novembru. Kmieni ftit hux?

X’inhu l-isbaħ rigal li qatt qlajt u x’rigal tixtieq li tirċievi dan il-Milied?

Naħseb lanqas nista’ naħseb f’rigal partikolari, u probabbli għax jiena nippreferi li nagħti r-rigali aktar milli nirċevihom. Inkun nistenna b’ħerqa kbira dan il-jum tal-Milied biex nara wiċċ uliedi u l-ferħ tagħhom huma u jiftħu r-rigali. Din is-sena naħseb diġà rċevejtu r-rigal li xtaqt għax kelli xewqa li nerġa’ lura għall-mużika u din seħħet.

Tiftakar f’xi avveniment jew ġrajja li ġġiblek memorji forsi mhux daqshekk sbieħ fil-Milied?

Meta z-zija Kikka kienet ma tiflaħx u filfatt ħallietna ftit ġranet wara f’Jannar. Qatt mhu żmien faċli meta jkollok tqatta’ l-Milied l-isptar u ħsibijieti u t-talb jmur lejn dawk kollha li bħalissa għaddejjin minn sitwazzjoni simili.

Liem kien l-isbaħ Milied li kellek u għaliex?

Niftakar aktar minn Milied wieħed li jġibli memorji sbieħ bħal meta t-tifel kien għadu żgħir u konna nqattgħuh l-Ingilterra.

Kif tiċċelebra jum il-Milied?

Filgħodu kmieni niftħu r-rrigali, imbagħad inkompli nsajjar dak li nkun bdejt lejliet il-Milied, nieklu u nintefgħu quddiem it-televixin u nkomplu nieklu!

Kieku kellna ngħidulek li għandek xewqa waħda li tixtieq li sseħħ dan il-Milied, xi tkun?

Li jiena u l-għeżież tiegħi jkollna l-paċi u l-ferħ filwaqt li jirnexxielna nwettqu dak li verament nixtiequ.

Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lil Miriam u lil familja sabiħa tagħha l-isbaħ xewqat f'dawn il-jiem!


Emil Calleja Bayliss