L-attriċi u personal trainer Rachel Micallef tkellmet magħna dwar kif is-sena 2021 kienet sfida kemm għaliha kif ukoll għal ħafna oħrajn, ibda biex minħabba l-pandemija. Minkejja li kien hemm diversi mumenti mhux daqstant pjaċevoli tul dawn l-aħħar sentejn, Rachel tibqa' b'dak l-ispirtu sod u pożittiv. L-aqwa ħaġa f'dan kollu hu l-ispirazzjoni li qed tkun għal ħaddieħor.

Kif tiddeskrivi l-2021 f’tliet kelmiet? 

Pandemija, aktar bini u traffiku! 

Għandek xi riżoluzzjonijiet għas-sena 2022? Jekk iva liema huma? 

Ma nemminx b'riżoluzzjonijiet, però jalla l-pandemija tibda tgħaddi u nerġgħu nibdew ngħixu normali. 

Temmen li l-esperjenzi u l-episodji (anke jekk koroh) li tgħaddi minnhom jgħinuk tikber u ssir aktar soda? Kif għenitek issir aħjar l-2021? 

Dejjem titgħallem u mill-pandemija tgħallimt li trid tgħaddi b'li jkollok anka meta tispiċċa kważi b'xejn. 

Kellek xi sorpriżi jew mumenti li ma stennejtx matul is-sena li għaddiet?

Ma stennejtx li ħa nagħmel żmien twil bla xogħol. 

X’tixtieq titlobha lis-sena 2022?

 Lill-2022 nitlobha li tgħaddi l-pandemija.

Kieku kellek tagħżel motto għas-sena l-ġdida, xi jkun?

Jien il-motto tiegħi dejjem huwa... Emmen fik innifsek! 

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?

Dawn l-aħħar sentejn hawn ħafna nies li batew minħabba l-pandemija. B'ħafna modi differenti, però jien dejjem nemmen li fl-aħħar mill-aħħar dejjem jitfaċċa l-bnazzi u żgur li se jiġi dak iż-żmien fejn se nkunu aħjar.

Nixtiequ nirringrazzjaw lil Rachel talli qasmet magħna dawn il-ħsibijiet siewja magħna fl-okkażjoni tal-ewwel tas-sena. Minn qalbna nawguraw lilha u lill-familja kollha tagħha sena mimlija saħħa, risq u hena!


Kyle Zarb