Ilbieraħ it-tim ta' Gwida.mt kellu ċ-ċans li jattendi l-aħħar prova ta' Amora minn Cirque Du Soleil ġewwa Dar il-Mediterran. Spettaklu li ħa jiftaħ għall-pubbliku ġenerali mil-lejla u jibqa' għaddej sat-18 ta' Diċembru.

Dawk kollha li ħa jattendu għandhom spettaklu mill-aqwa, spettaklu mimli kuluri, akrobaziji u divertiment garantit li jħalli lill-udjenza meraviljata b'dak li għaddej. Wieħed isegwi l-vjaġġ ta' mħabba ta' bejn Bruno u Loulou filwaqt li tiċċelebra wkoll l-imħabba lejn is-sbuħija u r-rikkezza ta’ pajjiżna u l-arti li kapaċi joffri ċ-ċirku.

Bruno jilmaħ lil Loulou iżda din tisparixxi u minn hemm tibda l-avventura tagħhom. L-ossessjoni ta’ Bruno li jsib lil Loulou tkompli tikber hekk kif tiżvolġi l-istorja u waqt li qed jagħmel dan jiltaqa' ma' diversi karattri kuluriti li donnhom għandhom seħer speċjali.

Min jaf jekk dawn il-karattri jgħinux lil Bruno jwettaq il-ħolma tiegħu u jisfida l-gravità billi jilħaq is-sema biex jingħaqad mal-mara li jħobb. Ċelebrazzjoni mill-isbaħ tal-ħajja u l-imħabba safja.

Spettaklu li żgur ħa jkun apprezzat minn diversi nies u nħeġġukom biex tfittxu taqtgħu l-biljetti tagħkom billi tidħlu HAWN.


Emil Calleja Bayliss