Il-mewt taċ-ċkejken Juan ħasdet ħafna u ħafna nies. It-tarbija twieled bla problemi ta' xejn iżda jiem wara rrealizzaw li għandu tumur u li kienet ħa tkun diffiċli mmens biex isalva. Sfortunatament, iċ-ċkejken Juan ħalla din id-dinja fil-jiem li għaddew.

Il-ġenituri tiegħu Solange u Antoine Magri aċċettaw l-istedina ta' Maria Muscat fuq il-programm Kuxjenza sabiex jaqsmu l-esperjenza xejn sabiħa tagħhom u fl-istess ħin ikunu ta' faraġ għal dawk kollha li għaddew jew għaddejjin minn esperjenza simili.

Solange tistqarr li hi tassew iebsa li tmur id-dar mingħajru, u li tara l-affarijiet tiegħu d-dar. B'sinċerità tistqarr li bħalissa xeħtet l-affarijiet kollha f'kamra waħda li tinsab magħluqa. Hi tgħid li qed tgħix u tagħmel aktar kuraġġ grazzi għal bintha Hazel li għandha ħames snin.

Antoine, ir-raġel ta' Solange jgħid li hu żmien diffiċli iżda hu dejjem iżomm f'moħħu lil martu, lil bintu u lill-familjari tagħhom kollha. Il-ħajja trid tkompli, għalkemm b'vojt fiha, trid tibqa' għaddejja. Antoine tkellem ukoll dwar kif tkellmu ma' binthom dwar Juan u stqarr li kellhom biża' kbira dwar kif kienu se jgħidulha.

Solange tul il-programm qalet grazzi lil dawk l-ommijiet li qasmu l-esperjenza tagħhom magħha sabiex jagħmlulha kuraġġ, u qalet min jixtieq jagħmel kuntatt magħha ma jiddejjaqx. Hi temmen li tista' tkun ta' għajnuna lil nisa oħra li għaddejjin minn żmien ikrah bħal dan.

Wieħed jista' jara l-programm Kuxjenza billi jidħol HAWN.

TVM


Emil Calleja Bayliss