Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda diffiċli għall-kantant AIDAN u l-ammiraturi tiegħu, hekk kif hu ġie skwalifikat milli jieħu sehem fil-Malta Eurovision Song Contest ta’ din is-sena. Il-PBS ħadet din id-deċiżjoni għax skontha, il-kantant għamel posts mhux awtorizzati fuq il-midja soċjali. “Hemm regoli ċari li jgħidu li l-ebda promozzjoni ma tista’ ssir minn meta jitħabbru l-ismijiet tal-kwarti tal-finali,” kien qal kelliem tal-PBS. Dan għaliex mill-istadju tal-kwarti finali ‘l quddiem, il-kantanti huma pprojbiti milli jippublikaw affarijiet fuq din il-kompetizzjoni. AIDAN, irrappreżentat mill-avukati tiegħu talbu lill-PBS sabiex jiffriżaw id-deċiżjoni li jiġi skwalifikat u ssir laqgħa bejn l-organizzaturi tal-konkors u l-kantant biex jiddiskutu dan il-każ.

Illum il-kantant kiser is-silenzju fuq dak kollu li ġara. “Nixtieq nikteb ħafna, imma ma’ nafx minn fejn għandi nibda. Jiddispaċini għal li ġara iżda li nipproċedi legalment ifisser li jkolli inwaqqaf il-festival li tant inħobb milli jsir. Dan żġur li qatt ma’ kien fi’ ħsibijieti, speċjalment b’rispett lejn sħabi l-kantanti li bħali ħadmu ħafna biex jagħtu performance mill-aqwa fuq dak il-palk… u anke b’rispett lejn il-fans tal-Eurovision, bħali.. li ta’ minn 7 snin dejjem ħlomt li nitla’ nirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision. Ħdimt, fuq li ħdimt, sa’ tlaqt mill-full time job tiegħi ftit ġimgħat ilu, biex nagħti kollox għal dil-ħolma li għandi” kiteb fuq il-midja soċjali tiegħu.

Hu temm kliemu billi rringrazzja lit-tim tiegħu, il-familja, l-ħbieb, u l-ammiraturi tiegħu li kienu miegħu f’dan iż-żmien diffiċli għalih. Hu awgura lil sħabu li qegħdin jipparteċipaw fil-festival.


Nicole Zammit