Nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ Ġunju, rappreżentanti tal-Malta Motorsport Federation, immexxija minn Duncan Micallef, president tal-Federazzjoni, iltaqgħu ma’ Dr Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni. Waqt il-laqgħa, rappreżentanti tal federazzjoni infurmaw lil Dr Grima b’uħud mill-proġetti li qed taħdem fuqhom l-MMF bħalissa.

Duncan Micallef qal li l-Federazzjoni tiegħu qed taħdem ħafna fuq tliet binarji ewlenin, l-iżvilupp taż-żgħażagħ tagħna, l-għoti ta’ opportunitajiet lis-sewwieqa biex jikkompetu barra minn Malta, u l-organizzazzjoni u l-immaniġġjar tal-isport.

Il-Federazzjoni qed tagħmel dan permezz tal-Programm tal-Young Drivers Training Program, tal-FIA Motorsport Games, u permezz l-għajnuna tal-Federazzjoni Taljana l-ACI u l-FIA. Dan kollu huwa possibbli bl-appoġġ ta’ SportMalta u l-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.

Dr Grima rrikonoxxa l-proġetti u kkonferma li l-Gvern, permezz tal-Ministeru tiegħu u SportMalta, qed jaħdem ma’ federazzjonijiet, fosthom il-Malta Motorsport Federation, biex jassisti fit-titjib u s-sostenibbiltà tad-dixxiplini sportivi f’Malta. Dan l-isforz se jwassal lill-atleti tagħna biex jikkompetu u jirrappreżentaw lil Malta f’avvenimenti internazzjonali, u biex l-uffiċjali jmexxu l-isport b’ aktar ħiliet u professjonalità, b’hekk itejbu l-livell tal-isport u tal-atleti Maltin.

Jonathan Bruno, Segretarju tal-Federazzjoni, qal li l-Federazzjoni, permezz tal-FIA, sabet l-appoġġ tal-ACI fl-Italja. Wara dan il-ftehim, l-uffiċjali ta esperjenza mill-ACI, Marotta u Ferrari ġew nominati mill-Malta Motorsport Federation biex imexxu l-Malta Motorsport Commission.

Is-setup il-ġdid se jkompli jitjieb u jorganizza aħjar id-diversi uffiċjali u voluntiera li jmexxu l-avvenimenti tal-motorsport.

Bruno tkellem ukoll dwar il-FIA Karting Academy Trophy, fejn Kian Gauci qed jirrappreżenta lil Malta. Waqt l-istess laqgħa, Gauci kien ġewwa Cremona fl-Italja għat-tieni rawnd tat-trofew.

James Fenech, il-Koordinatur Edukattiv tal Young Drivers Program, tkellem dwar il-Programm ta’ Taħriġ tas-Sewwieqa Żgħażagħ li se jsir fil-11 u t-12 ta’ Lulju. Il-programm huwa adattat għal subien u bniet ta’ bejn it-8 u 18-il sena; dawn it-tfal u żgħażagħ se jsibu l-appoġġ kollu li għandhom bżonn biex iwettqu l-ewwel tiġrija tagħhom u jkunu jafu x’se jkollhom bżonn jagħmlu biex ikollhom karriera brillanti fil-motorsports.

Wara li jlestu l-programm, il-parteċipanti kollha se jirċievu ċertifikat u rapport dwar dettaljat dwar il-prestazzjoni tagħhom. Il-programm mhux biss dwar is-sewqan iżda jiffoka fuq is-sewwieq bħala atleta sħiħ; għalhekk it-taħriġ se jinkludi stil ta’ ħajja, ġestjoni tal-karriera, eżerċizzji mentali, nutrizzjoni, tekniki tas’ sewqan, parteċipazjoni f’tim u f’ambjent kompetittiv.

Tim ta’ għalliema professjonali magħżula mill-FIA fl-oqsma rispettivi tagħhom se jkunu qed iwasslu l-programm liż-żgħażagħ tagħna.

Jonathan Tonna, Malta Team Captain għal-Logħob tal-FIA Motorsport Games, ħabbar li l-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport se tipparteċipa f’dawn il-logħob li se jsiru f’Marsilja fi Franza bejn is-26 u t-30 ta’ Ottubru 2022.

Tmenin pajjiż, inkluż Malta, se jkunu rappreżentati minn Awtorità Sportiva Nazzjonali tagħhom. Il-logħob ser isir fiċ-Ċirkwit Paul Ricard, Veynes u St. Baume. Il-Logħob tal-FIA Motorsport Games jgħaqqad l-isport mal-kultura u l-edukazzjoni, u joħloq ambjent li jgħolli l-valuri tar-rispett, l-għaqda u l-opportunitajiet indaqs.

Aktar minn elf sewwieq dilettanti u professjonali mill-ASNs madwar id-dinja u l-livelli kollha tal-isport se jikkompetu għal midalji tad-deheb, tal-fidda u tal-bronż taħt il-bandiera ta’ pajjiżhom. Malta se tkun qed tikkompeti fil-Karting Sprint Senior, Karting Sprint Junior, Karting Endurance, Karting Slalom, Drifting u Esports.

 


Kyle Zarb