Wara 390 programm, Quinton iħabbar li "l-istorja ta' TVAM tintemm hawn." Il-programm ta' kull filgħodu fuq TVM kien ta' kumpanija għal numru ta' segwaċi li kienu jisbħu miegħu u jibdew il-ġurnata tagħhom ma' Quinton u Clara.

Aħna ta' Gwida.mt ukoll kellna ċ-ċans li nkunu parti mill-mistiedna li kien ikollu ta' kuljum dan il-programm. "390 programm wara; nuqqas ta' irqadt, sagrifiċċju, iżda fuq kollox sodisfazzjoni," kiteb Quiton fuq il-paġna tiegħu.

Ma setax jonqos milli jgħaddi xi ringrazzjamenti, "Grazzi lil Clara Farrugia li flimkien ippreżentajna u pproduċejna dan il-programm. Mhux b'inqas lil Daphne Ann Cassar, Chris Falzon, Melvic Zammit u Liam Carter."

Hu jkompli jgħid, "Xtaqt nirringrazzja lil crew li kien ta' għajnuna kbira, hemm lista twila li minn qalbi ngħidilhom GRAZZI. Mhux b'inqas ukoll lis-sales tim sabiex għamilna dan il-proġett sostenibbli u lit-tmexxija tal-PBS li afdat fil-mudell li ppreżentajna sentejn ilu."

Quinton ma jinsiex lit-telespettaturi, "fuq kollox GRAZZI lil kull min kien isegwina minn għodwa għal oħra sabiex għal dawn l-aħħar sentejn kien l-aktar programm segwit ta' kull filgħodu b'udjenza medja ta' madwar 25,000 ruħ u 45,000 persuna fl-ogħla perjodu."

Hu jagħlaq b'ringrazzjament importanti ħafna, "u bilħaq grazzi lill-familja li issaportew l-iljieli u l-ġranet twal tul dawn l-aħħar sentejn!"

Aħna f'isem it-tim ta' Gwida.mt nawguraw lil Quinton u Clara ħafna affarijiet sbieħ. Nittamaw li naraw ma ndumux fi proġetti oħra interessanti.


Emil Calleja Bayliss