Lil Cheryl Camilleri se nkunu qed narawha tgħix esperjenza ġdida għaliha fil-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej. Fil-fatt Cheryl tkellmet ma’ Gwida.mt dwar x'wassalha li tapplika għal din il-kompetizzjoni, kif ukoll sirna nafu dwar il-post tal-mużika f'ħajjitha u f'ħajjet il-familja mużikali tagħha.

Tkellimna mal-kantanta dwar x’ħajjarha tidħol għal dan il-festival. “L-iktar ħaġa li ħajjritni biex nipparteċipa f'Mużika Mużika dis-sena kienet il-fatt li meta kont rajt il-festival is-sena l-oħra, kont bqajt imbellħa b'kemm kien straordinarju l-ispettaklu.” 

Il-lingwa Maltija hi xi ħaġa li tapprezza immens f’dan l-avveniment. “Hija ħaġa sabiħa ħafna li nuru apprezzament għall-lingwa u l-mużika Maltija b'mod hekk sabiħ!”

gf

“Bla dubju, l-ikbar differenza bejn ix-xogħol ta backing vocalist u ta solista hi li filwaqt li l-backing vocalists ikollhom preżenza pjuttost 'moħbija' fuq il-palk, bħala solista ħa nkun fuq quddiem qed nirrapreżenta lili nnifsi u d-diska.” 

“It-tnejn fihom ċertu pressjoni, għax bħala backing vocalist irid ikollok ċertu stamina vokali biex tkanta għal ħin twil, filwaqt li timxi skont l-istil tal-kanzunetti li tkun qed tkanta u żżomm bilanċ mal-backing vocalists u mużiċisti biex takkumpanja sew lis-solist.”

“Bħala solista ħa nkun qiegħda nuża leħni biex inwassal il-messaġġ tal-kanzunetta tiegħi, u nagħti interpretazzjoni oriġinali li j'Alla tiġi milqugħa b'mod pożittiv mill-udjenza.”

gf

Il-mużika qiegħda preżenti fil-familja ta’ Cheryl, hekk mhux hi biss hemm kantanta u mużiċista. “L-imħabba għall-mużika hija b'saħħitha fil-familja tiegħi - wieħed min-nanniet kien iħobb il-musicals u jdoqq il-pjanu, filwaqt li ieħor kien ikanta fil-kor tal-parroċċa.”

“Minħabba f'hekk, il-mużika minn dejjem kellha rwol importanti fit-tfulija tiegħi u ta’ ħuti, u konna nqattgħu ħafna ħin nirreċtaw xeni mill-musicals favuriti tagħna.” 

“Meta kbirna, bqajna b'dik l-imħabba għall-mużika, u anke saħansitra ħadna sehem flimkien f'kunċerti bħal Strummin' u Rockestra. Apparti minn hekk, kollha ndoqqu xi strumenti u anke ktibna xi diski flimkien.”

Cheryl ħadmet mill-qrib mal-grupp Relikc, u membru minnhom, Joseph, fil-fatt ikkollaborat miegħu għall-kanzunetta li qed tipparteċipa biha.

“Lil Joseph ilni nafu kważi 10 snin, u ħdimt ħafna miegħu bħala backing vocalist tal-grupp Relikc, apparti f'kunċerti bħal Strummin, What The Funk, u The Wall.”

“Wara li semmagħli d-demo ta' Kenn, ma stajtx ma naċċettax - il-messaġġ tagħha ħassejtu jgħodd ħafna għalija, apparti li mużikalment id-diska ġibditni wkoll.”

Staqsejna lil Cheryl jekk għandhiex xi aspettattivi minn din l-esperjenza ġdida fil-karriera tagħha. “Onestament, tant hija esperjenza ġdida għalija li ma tantx naf x'għandi nistenna!”

 gh

“Diġa ħadt ftit togħma tal-ġenn ta’ wara l-kwinti, peress li matul Novembru u Diċembru konna impenjati sew bil-photoshoots u bosta ġranet ta' filming għall-programm Il-Vjaġġ Ikompli.” 

Cheryl tgħidilna li tinsab preparata sew biex toħroġ bi ħġara għall-prestazzjoni tagħha. “Li naf żgur hu li ninsab ferm eċitata biex sa fl-aħħar nesperjenza Kenn mal-orkestra u l-backing vocals bravissmi fuq dak il-palk prestiġġjuż!”

Kellmitna wkoll dwar is-sinifikat wara l-kanzunetta Kenn kif ukoll l-istil mużikali li se tippreżenta. “Huwa messaġġ ta' tama - il-lirika titratta dwar persuna li qed toffri li tkun il-kenn għal xi ħadd għal qalbha fil-mumenti l-iktar diffiċli ta' ħajtu.”

“Jien nabbina l-messaġġ tad-diska ukoll max-xogħol li nagħmel maż-żgħażagħ - bħala youth worker, parti minn xogħli hu li ż-żgħażagħ dejjem ikunu jafu li jien qiegħda hemm biex ngħinhom.”

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb