Is-sena 2022 ħa tkun waħda impenjattiva għal Elaine. Dan għaliex ħa tkun qed tippreżenta programm ġdid! Aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu ftit magħha dwar is-sena li għaddiet u dak li għaddiet minnu, kif ukoll il-programm li ħa tkun qed tippreżenta fuq NET TV.

Elaine, l-2022 ħa tkun waħda speċjali għalik għax ħa tkun qed tippreżenta xi ħaġa ġdida għat-telespettaturi. Tista’ tgħidilna aktar dwar dan il-proġett?

Iva, hekk hu. Minn Jannar ta’ din is-sena, ser inkun qed inwaslilkhom il-programm Nisa ta’ Success, kull nhar t’Erbgha fid-disgħa u nofs u ħamsa ta’ filgħaxija fuq Net Television. F'dan il-programm sejrin naraw diversi nisa li għamlu suċċess mhux biss fil-karriera tagħhom iżda saħansitra b'mod ġenerali f'ħajjithom.

Kollha kemm huma għaddew minn esperjenzi varji u għamlu affarijiet straordinarji. It-telespetatturi ser ikollhom l-opportunità li jsiru jafu iżjed mill-qrib lil dawn il-mistednin waqt il-programm Nisa ta' Suċċess. Ma xtaqtx li niżvela ħafna, sabiex inħalli s-sorpriżi kollha li għandi preparati għal waqt il-programm, biss, forsi jekk nista’ nsemmi imqar xi ftit mistiedna li ser ikolli miegħi fil-programm, Maria Muscat il-Barokka, Eileen Montesin u Dr.Mary Louise Coleiro Preca fost oħrajn...

Inti waħda li tagħmel resoluzzjonijiet u jirnexxielek iżommhom? Jekk, iva x’inhuma r-resoluzzjonijiet li tagħmel?

Ikolli nkun onestà mal-qarrejja tal-Gwida, nagħmel diversi resoluzzjonijiet u l-iżjed tnejn popolari u li nagħmilhom ta’ kull sena huma dawn: Li nagħmel id-dieta forsi ma tafx kif għandi ftit ilbiesi ġodda bit-tabella fuqhom fil-gwardarobba u nidħol fihom ma ndumx u r-resoluzzjoni l-oħra hija li nibda nfaddal xi ħaġa kull xahar.

Iżda sfortunatament qatt ma nżommhom ir-resoluzzjonijiet u sa issa bqajt niekol kull biċċa ċikkulata li nara b’għajnejja u nonfoq kulma jkolli. L-hena tiegħi meta mmur ‘shopping’ jew hekk kif inħobb insejjaħlu jiena ‘retail therapy’. Inħobb nara l-gwardarobbi tiegħi u tat-tifla dejjem mimlija u sintendi xi baskett u żarbun ġdid dejjem jonqosna!

Jaħasra nixtieq li kieku xi darba jirnexxieli nżomm imqar resoluzzjoni waħda, għax sa xahar wara diġà nkun ksirthom. Imma m’hemmx x’tagħmel! Fuq kollox darba ngħixu.

Kif tħobb tqatta’ t-tokki ta’ nofsilejl li jintroduċu sena ġdida? Qatt kellek iċ-ċans li tgħaddih barra minn xtutna u jekk iva, fejn kont żort? Kif kienet dik l-esperjenza?

Jiena normalment inħobb inqatta’ t-tokki ta’ nofsillejl tas-sena l-ġdida mal-familja jew mal-ħbieb. Bħala post mhux daqshekk importanti għaliex l-importanti li nkun f’kumpanija tajba. Diment li nkunu b’saħħitna, anke f’għalqa nieħu gost niċċelebra l-ewwel tas-sena, l-importanti li dawk li nħobb ikunu qrib tiegħi.

Ġieli kelli l-opportunità li nsiefer għall-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, però kemm nista’ nipprova nirritorna sal-Milied jew inkella mmur fit-2 ta’ Jannar. Dan għaliex biex proprju fil-Milied u l-Ewwel tas-Sena inkun mal-familja hawn Malta. Postijiet li dort f’dawn iż-żminijiet sbieħ huma Dublin, Londra, id-Dolomiti, il-Christmas Market ta’ Nuremberg eżatt qabel faqqgħet il-pandemija u Disneyland Paris.

Għalkemm nieħu pjaċir ħafna nara t-tiżjin tal-Milied u d-dwal meravilja li jafu joffru dawn il-pajjiżi, ikolli nistqarr li nbati ħafna għaliex jiena nħoss ħafna bard u nibda nitriegħed hekk kif appena noħorġu mil-lukanda. Kemm jista’ jkun nipprova nilbes kemm nista’ ħwejjeg u nlibbes lit-tifla adattat għat-temperaturi baxxi li nkunu fihom.

X’kienet l-isbaħ ħaġa li ġratlek tul is-sena 2021! L-isbaħ memorja.

L-isbah memorja tas-sena 2021 kienet iċ-ċelebrazzjoni tal-praċett tat-tifla tiegħi Yelena li ser tibqa’ minquxa f’qalbi. Minħabba l-pandemija, flok għamlitu fl-2020 il-praċett, għamlitu sena tard għaliex ħsibt li kienet ser tbatti xi ftit din is-sena.

Mort ftit żmerċ ifhem, madankollu ma ddispjaċinix għax kienet ċelebrazzjoni sabiħa ħafna u xahar wara stajna nagħmlu festin bir-restrizzjonijiet kollha tal-Covid-19. Bkejt xħin rajtha liebsa l-libsa l-bajda, tant li tal-familja qaluli, “mur ġibha tiżżewweġ eh kemm tibki iżjed!” Jiena nweġibhom b’nofs daħka, li jaf tibqa’ mal-mamà u ma tiżżewweg xejn.

Liem tqis li kienet l-ikbar sfida tul is-sena li għaddiet?

L-ikbar sfidi li kelli matul is-sena li għaddiet kienu meta t-tifla ħarġitli pożittiva għall-Covid fi Frar li għadda u għamilna tliet ġimghat kwarantina. Minħabba li ħadd minna ma kien għadu mhux imlaqqam, bżajt ħafna. Bżajt li tista’ taffetwa lit-tifla ħażin u li jekk Alla ħares qatt joħduha ommi u missieri, jistgħu jmutu.

Għamilt tliet ġimgħat nibki u ħassejt id-dinja taqa’ fuqi. Għall-grazzja t’Alla għaddiet b’wiċċ il-ġid ukoll u t-tifla fieqet mill-Covid mingħajr ma ttieħed ħadd, fid-dar. It-tieni sfida tiegħi kienet f’Mejju, meta kont miexja għall-affari tiegħi fuq bankina u żlaqt u qtajt ligament.

Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja żewġt irġiel li inzertaw għaddejjin u waqfu jgħinuni xħin rawni mal-art. Grazzi mill-qalb! Għad fadal ħafna nies ta’ rieda tajba. Mingħajr ma jafuni ġew jgħinuni biex inqum u kif rawni li ma nistax nimxi sa anka marru jaraw mnejn ser jiddubbawli siġġu.

Dan ġara ħames ġimgħat biss qabel il-praċett tat-tifla, għaldaqstant qabditni ħafna ansjetà għax bżajt li ser ikolli mmur bil-krozzi, imma għall-grazzja t’Alla laħaq ghaddieli. Kultant ngħaddu minn episodji koroh fil-ħajja tagħna, iżda l-importanti huwa li ma naqtgħux qalbna u dejjem nittamaw li wara l-maltemp jitfaċċa l-bnazzi.

Qed nitgħallem ngħix ġurnata b’ġurnata u nħalli l-baħar iħabbat kultant ukoll għax li għandu jiġri xorta ser jiġri!

Elaine tagħlaq billi tgħd, “Jiena minn qalbi nixtieq nawgura s-sena t-tajba lill-qarrejja tal-Gwida u j’Alla jkollkom ħafna saħħa, paċi u hena għal matul is-sena 2022.” Elaine tkompli tgħid, “Minn qalbi nirringrazzjakom ta’ kemm dejjem tissapportjawni f’kull programm li nipproduċi u nippreżenta u li dejjem tilqgħuni f’darkom. Jiena ser inħallikom hawnhekk u nagħmel appuntament ghal magħkom kull nhar t’Erbgħa fid-21.35 għall-programm Nisa Ta’ Suċċess fuq NET Television. Is-sena t-tajba ħbieb! Elaine.”


Emil Calleja Bayliss