Ħafna familji u ħbieb jinsabu miġburin flimkien proprju f'dan il-jum tal-Milied u aħna ta' Gwida.mt, komplejna nitkellmu mas-semifinalisti ta' Mużika Mużika dwar dan il-jum għażiż. Jum li jgħaqqad diversi nies flimkien, kemm b'mod fiżiku u kemm bil-ħsieb. Sempliċiment messaġġ, kartolina jew rigal juru li xi ħadd ftakar fik. Xejn isbaħ mill-fatt li f'dan il-jum speċjali, li fih niċċelebraw it-twelid ta' Ġesù Bambin, wieħed jaħseb f'ħaddieħor. Ħafna jiċċelebraw l-ispirtu ħaj tal-Milied mingħajr ma jintilfu fil-materjaliżmu li donnu sar jiddomina fil-ħajja tal-lum. Araw x'kellhom xi jgħidulna l-kantanti li qed jipparteċipaw f'Mużika Mużika. 

Ritratt: Kurt Mizzi

Mara, il-grupp ta' ħames nisa ma stajniex ma nistaqsuhomx minn minnhom il-ħamsa jħobb l-aktar il-Milied u min minnhom forsi mhux daqstant entużjast dwaru. Maria mill-grupp tgħid li taħseb li hi l-iktar waħda li tħobbu għax tħobb l-atmosfera tal-Milied u tħobb ukoll tirċievi r-rigali. Maria tgħid li tħobb tagħti r-rigali wkoll iżda ovvjament tħobb aktar tirċievihom. Annabelle tgħid li hu żmien sabiħ minħabba li hu żmien li wieħed iqatta' ħin mal-familja, ikun hemm iktar ġabra u tidħol fl-atmosfera tal-Milied anke permezz tal-armar. 

It-tfajliet jgħidu wkoll li jieħdu gost bl-ikliet tal-Milied iżda jiżvelaw li waħda mill-membri, iż-żgħira tal-grupp, Alexia ma tantx tħobb il-Milied. Alexia tistqarr li ma tantx tħobb żmien il-Milied, iktar milli l-Milied innifsu. Dan għaliex f'dan iż-żmien hi tkun xi ftit aktar stressjata minħabba li tkun qed tħejji għall-eżamijiet u jkollha wkoll xi xogħol tal-Università xi tħejji fil-vaganzi. Huma fl-aħħar jawguraw lil kulħadd l-isbaħ xewqat għal dawn iż-żminijiet. 

Ritratt: Kurt Mizzi

Bernie & Pod u Fiona jidher li jaqblu kollha kemm huma li jħobbu dawn iż-żminijiet. Ivan, il-kantant tal-grupp jgħid li kollha għandhom it-tfal jew in-neputijiet, u b'hekk dan ikun iċ-ċans li jgawdu lil xulxin. Hu żmien li jgħaqqad lill-familji f'daqqa u b'hekk tista' tgħid li l-grupp kollu, inkluż Fiona, iħobbu dawn iż-żminijiet. Huma żminijiet maġiċi u speċjali fl-istess ħin. Jidher li m'hemmx opinjonijiet differenti dwar dan iż-żmien fost il-membri ta' Bernie & Pod u Fiona.

Ivan jieħu l-opportunità li jsellem u jawgura lil kulħadd il-festi t-tajba f'din il-ġurnata speċjali. Ċertament li dawk kollha li jsegwu lil Bernie & Pod jafu kemm għandhom għal qalbhom dan iż-żmien għax xi snin ilu kienu wkoll ħarġu s-silta Int u Jien dal-Milied. 

Ritratt: Kurt Mizzi

L-ikla tal-Milied jew tal-Ewwel tas-Sena tista' tgħid li kull familja Maltija tesperjenzha. Ikun hemm ħafna nies li jixtiequ lil xi ħadd speċjali magħhom fuq il-mejda li kieku jkollhom iċ-ċans. Joseph ta' Kapitlu 13 u Danica jagħżlu lil Tupac Shakur. Joseph jistqarr li Tupac Shakur kien wieħed mill-iżjed rappers influwenti fid-dinja tar-rap internazzjonali u b'hekk jixtieq li jqatta' serata waħda miegħu sabiex jiddiskuti ċerti temi u kanzunetti minn tiegħu. 

Joseph u Danica jagħlqu billi jawguraw lil kulħadd il-Milied u s-sena t-tajba. Int kieku jkollok iċ-ċans li tagħżel lil xi ħadd għal jum il-Milied, kieku min ikun? Tiddeċiedi li tmur għal xi membru tal-familja, jew inkella tagħżel xi personalità famuża? 

Ritratt: Kurt Mizzi

Il-Kalakku u Lyndsay ħa jkunu qed jingħaqdu ma' Mykill f'Mużika Mużika u bħalha l-kantanti tal-grupp huma għaddewlna ma' min kieku jixtiequ li jqattgħu l-Milied tagħhom. Il-Kalakku jistqarr magħna li kieku kellu ċ-ċans li jagħżel lil xi ħadd, żgur tkun in-nanna tiegħu Rita li sfortunatament ħallietna riċentament. Il-Kalakku jgħid li hi kienet l-unika persuna li emmnet fih u b'hekk ċertament li kienet tifraħ tarah jikkompeti ġo kompetizzjoni daqstant speċjali.

Lyndsay mill-banda l-oħra tagħżel lill-kantanta lokali Ira Losco għax hi artista li tammira ħafna u temmen li jkollha ċans li titgħallem mingħandha. B'hekk tesperjenza xi ħaġa tassew unika. Kif rajna kulħadd ikollu ħsibijiet differenti u raġunijiet differenti għala jagħżlu persuna partikolari. Hemm minn jaqta' x-xewqa tiegħu filwaqt li hemm min imur fuq għażla aktar sentimentali. Dawn il-festi żgur li jfakkruna f'dawk li sfortunatament ma għadhomx magħna u mhux sorpriża kbira li l-Kalakku ddeċieda li jagħżel lin-nanna tiegħu. 

Joseph Refalo huwa wieħed minn dawk li jħobb jara films mill-passat u ovvjament il-Milied hu ż-żmien perfett sabiex jara dawn it-tip ta' films. Hu jistqarr li kontra ta' wħud li jħobbu jaraw films ġodda, u ma jilħaqx joħroġ xi film tal-Milied li ma jarawhx, hu bil-kontra. Hu jsemmi Home Alone u jgħid li mhux l-ewwel darba li spiċċa ra t-tliet films ta' din is-sensiela fi tliet ġimgħat. Iżda mhux biss films ambjentati mal-Milied.

Joseph isemmi wkoll is-sensiela ta' Harry Potter. Hu jistqarr li għal xi raġuni jew oħra, il-films ta' Harry Potter hu jassoċċjahom ma' dan iż-żmien. Hu jgħid li jmur għall-films li ħarġu meta hu kien għadu żgħir, allura awtomatikalment dawn il-films jieħduh lura fit-tfulija tiegħu u jġibulu sens ta' nostalġija. Dawn konsegwentament jgħinuh jidħol fl-ispirtu tal-Milied. Hawn min minnkom li sempliċiment film jieħdu lura għat-tfulija tiegħu u l-passat? Ħalluna kumment fuq il-mezzi soċjali tagħna. 

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Gwida.mt