L-attur Henry Zammit Cordina kien fost il-personalitajiet li matul is-sena 2021 għadda minn diversi mumenti iebsa, iżda baqa' kuraġġuż u bi kliemu dejjem ikun ta' ispirazzjoni. Aħna ta' Gwida.mt tkellimna miegħu dwar anke x'jixtieq mis-sena 2022, u forsi xi pjanijiet għall-futur.

Għandek xi riżoluzzjonijiet għas-sena 2022?

Ma tantx nemmen fir-riżoluzzjonijiet. Li jkolli bżonn nagħmel, nagħmlu. Ma noqgħodx nistenna l-aħħar tas-sena. Ħaġa li għamilt din is-sena u bi ħsiebni nkompli hi li niekol aktar healthy u mmur il-gym.

X’kienet l-aktar ħaġa interessanti/ speċjali li ġratlek fl-2021?

Forsi l-iktar ħaġa interessanti li ġratli kienet opportunità li nkun stand-in ta' attur Irlandiż ta' fama internazzjonali – Liam Cunningham. Attur li hu magħruf fost films oħra għal parti tiegħu f'Game of Thrones. Il-film li jismu – The last voyage of the Demeter, dam xaharejn jinġibed f'Malta.

Hemm xi ħaġa li tinsab ħerqan biex tagħmel fis-sena li ġejja (li forsi għadek m’għamiltx fl-2021 jew fil-passat)?

Naturalment bħala attur, dejjem inkun qed infittex li ninterpreta partijiet interessanti u li jtuni sodisfazzjon meta ninterpretahom. Li nixtieq hu li jkolli xi parti tajba f'xi film barrani. Fil-passat kelli, u nispera li jerġa' jkolli.

Temmen li l-esperjenzi u l-episodji (anke jekk koroh) li tgħaddi minnhom jgħinuk tikber u ssir aktar sod? Kif għenitek issir aħjar l-2021?

L-esperjenzi fil-ħajja dejjem jgħinuk biex titgħallem minnhom. Kelli esperjenzi ftit li xejn koroh din is-sena, speċjalment episodji ta' nuqqas ta' saħħa fil-familja. Nispera dejjem li s-sena d-dieħla tkun aktar ħanina miegħi u ma dawk ta' madwari.

Kellek xi sorpriżi jew mumenti li ma stennejtx matul is-sena li għaddiet?

Sorpriżi ma kellix. Pjuttost mumenti li ma stennejtx – dawk li semmejt diġà – problemi ta' saħħa fil-familja.

Kieku kellek tagħżel motto għas-sena l-ġdida, xi jkun?

Żewġ mottos li għalija huma importanti - 'Jien qatt ma nitlef; jew nirbaħ jew nitgħallem.' - Nelson Mandela. 'Jekk tista' toħlomha, tista' tagħmilha.' - Walt Disney

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?

Fil-waqt li nawgura lil kulħadd, nirringrazzja lil kull min isegwi t-talent Malti u jtina s-sapport. Mingħajrkom, m'aħna xejn. Grazzi wkoll lil dawk li jtuni rispons u kummenti pożittivi. Dan jimlini b'kuraġġ biex inkompli nagħti l-massimu tiegħi.

Nirringrazzjaw lill-attur Henry Zammit Cordina minn qalbna u nixtiqulu sena 2022 mimlija saħħa, kuraġġ. hena u barkiet!


Kyle Zarb