Tul dawn l-aħħar jiem, kellna ċ-ċans li ngħidu kelmtejn ma' Julie Pomorski. Lil Julie rajnieha lura fix-xena lokali s-sena li għaddiet permezz tal-kanzunetta tagħha Ar'int. Tgħidu dan hu l-bidu minn proġett ikbar u x'timmissja l-aktar f'dawn iż-żminijiet Julie? Hawn taħt ħa naqgħtulkom ftit il-kurżità.

Julie, issoltu dawn iż-żmijiet narawk fil-pantomima tal-Milied. Iżda din is-sena minħabba l-pandemija reġgħet ma saritx. X’timmissja l-aktar minn din l-esperjenza?

Din hi l-aktar ħaġa li ġeneralment inħobb nagħmel f'dan iż-żmien, naħseb li l-unika hobby li għandi. Mhux biss għax inħobb l-arti u dak kollu li jagħmel il-pantomima daqshekk sabiħa: bħal kant, żfin u l-meravilja ta' kostumi u makeup... imma l-aktar ħaġa li ħa nimmisja hija lil sħabi... dawn niesi u magħhom inħossni li jiena parti minn grupp ta' nies li huma bħali - ferrieħa, ċajtiera u ta' qalb tajba!

Rajna r-ritorn ta’ Julie fix-xena mużikali tul din l-aħħar sena. Hemm aktar pjanat fil-futur? Jekk, iva... x’għandna nistennew mingħandek?

Iva, l-2021 kienet sena li fl-aħħar għamilt xi ħaġa għalija nnifsi fix-xena tal-mużika! Grazzi għal Conrad Dimech ta' Blacklight Studios u l-mużiċisti Robert Galea u Jason Fabri, ħdimna fuq proġett ġenwin u oriġinali. Iva, beħsiebni noħroġ xi ħaġ'oħra... imma ma nixtieqx niżvela wisq għalissa... inħeġġiġkom tisimgħu Ar' Int! sakemm tistennew dak li ġej!

Hemm xi ħolma jew xi xewqa partikolari li tul din is-sena tixtieq li twettaq?

Ngħidlek id-dritt jiena mhux xi waħda li nħobb nimla rasi jew noħlom iżżejjed! Jekk jirnexxieli mmur tajjeb fil-bqija tal-proġett li għandi pjanat, nkun kuntenta. Apparti minn hekk, nixtieq li mmur ngħix fil-post tiegħi, li issa ilni naħdem fuqu mhux ħażin. Min għadda jew għaddej b'dan il-proċess jaf eżatti x'qiegħda ngħid... ħafna xogħol u sagrifiċċji biex fl-aħħar mill-aħħar ikolli d-dar tiegħi!

Kieku Julie jkollha tagħżel fejn tqatta’ l-bidu tal-Ewwel tas-Sena – fejn tagħżel li tqattgħu?

Ma tantx jien xi waħda li nħobb il-folla (anke qabel il-Covid!) L-importanti li nkun mal-boyfriend tiegħi, u imbagħad naraw fejn jeħodna r-riħ.

X’kienet l-isbaħ ħaġa li ġratlek tul is-sena 2021!

Kelli ħafna affarijiet sbieħ però r-rilaxx ta' Ar'Int!, l-ewwel kanzunetta tiegħi bħala kantawtriċi tibqa' memorabli!

Julie ttemm b'messaġġ qasir lill-qarrejja ta' Gwida.mt, "Nixtieqilkom sena sabiħa u fuq kollox mimlija saħħa, kemm fiżika kif ukoll mentali biex taffaċċjaw dak kollu li jidħol meta tiftħu l-bieb għall-2022!"


Emil Calleja Bayliss