Żagħżugħ Malti qasam messaġġ magħna fejn esprima kif l-esperjenzi  li għadda minnhom f’ħajtu, wassluh biex isofri minn diversi mumenti iebsin.  Il-mużiċist lokali Ion jagħmel dan biex jgħaddi messaġġ ta’ ġid u jekk hu possibbli jgħin lil min għaddej minn sentiment simil, u jkun jaf li mhux waħdu jħoss dawn is-sentimenti.

Sfortunatament ċerti esperjenzi ħallew l-effett tagħhom fuq is-saħħa mentali tiegħu. "Ma tgħaddix minuta li moħħi ma jiqafx jaħseb u jistaqsi mistoqsijiet li m’hemmx tweġibiet għalihom.”

Ion isemmi l-mument meta tilef wieħed mill-akbar ħbieb li kellu, l-għażiż missieru li kien hemm għalih f’kull pass li għamel.  “Xi kultant niġi fi stat fejn nixtieq ċertu pariri mingħandu però ma nistax nkellmu għaliex telaqni u meta naf li mhux ser jerġa’ jiġi, hija iebsa ħafna."

Ikompli billi jsemmi kemm li jkun waħdu għalkemm mhux xi ħaġa li xtaq, dera wkoll, u joħroġ xorta waħda, u ma jingħalaqx waħdu d-dar. “Kull fejn immur dejjem waħdi; safar, ġo bars, ċinema… jekk tistaqsini jekk drajtx ngħidlek iva."   

Juri li fil-ħajja għandna nsibu affarijiet li jgħinuna wkoll f'perjodi ta' sfida. Bħala mużiċist jgħidilna wkoll kif il-mużika ħafna drabi tkun hemm għalih f’mument iebsin.

“Il-mużika naraha bħala lingwa. Fejn il-kliem ma jkunx hemm, issib il-mużika. Voldieri l-mużika iva għenitni u nemmenli l-ħajja mingħajr mużika mhi xejn. Ġieli naghmel 4 sigħat indoqq id-dar waħdi. 4 sigħat indoqq kuljum.”

Fil-waqt li jixtieq jagħmel kuraġġ lil min jgħaddi minn dawn il-mumenti, jgħid li min jgħaddi minn mumenti fejn iħossu waħdu, fil-fatt mhux waħdu li għaddej minn fażi bħal din. Għandu jħares 'il quddiem, kif jagħmel hu, u joħroġ iva ħalli jiltaqa' ma' nies ġodda. 


Kyle Zarb