Kif nistgħu ninsew liż-żewġ kantanti bravissimi minn Bloodline?! Dawn it-tnejn waslu qrib il-quċċata tat-tieni edizzjoni ta' X Factor Malta sentejn ilu. Din is-sena huma fost il-parteċipanti fil-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej, u magħhom tkellimna dwar kif sejra l-esperjenza tagħhom, fosthom għall-fatt li se nisimgħuhom ikantaw bil-Malti għall-ewwel darba! 

Lil Bloodline staqsejniehom dwar xi jħossu li wassalhom biex baqgħu jaħdmu bħala dwett sal-lum il-ġurnata. 

Il-grupp ġie ffurmat fit-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta. Il-kantanti jistqarru li mill-bidu nett ħassewhom komdi jkantaw flimkien, u qablu mill-ewwel. “Anke meta nkunu qed inkantaw jew meta nikkomponu xi biċċa, il-vuċijiet bħal speċi dejjem jaqblu u kważi kważi instintivament inkunu nafu l-partijiet jew l-armoniji kif għandna nkantawhom.” 

It-tfajliet jistqarru li llum il-ġurnata saru ħbieb kbar ta’ xulxin, u dejjem isibu l-ħin biex jiddiskutu u anke jqattgħu ħin flimkien lil’hinn mill-palk.  “Inħobbuha żaqqna! Allura dejjem tista’ ssibna f’xi restorant jew kafeterrija nieħdu l-ice coffee tagħna waqt li nkunu qed nilagħbu logħba karti!”

Din hi l-ewwel kollaborazzjoni oriġinali minn wara l-X Factor u l-ewwel darba li ħa nisimgħu lil Bloodline bil-lingwa Maltija.  Il-grupp spjega kif kien proprju l-għalliem tal-vuċi u wieħed mill-kompożituri tagħhom, Glen Vella, li oriġinarjament ħeġġiġhom biex japplikaw għal Mużika Mużika. 

gf

“Peress li konna ilna ngħidu bejnietna li xtaqna li xi darba jkollna kanzunetta tagħna oriġinali bil-Malti, mill-ewwel ħtafna l-opportunità u bdejna immedjatament naħsbu fuq xiex xtaqna nenkorporaw id-diska u x’ridna li tkun it-tema tagħna.”

Staqsejna wkoll dwar kif tħossha Julia għall-fatt li ħa tkun qed tkanta kanzunetta li fil-kitba tagħha kien hemm involut ukoll missierha. “Missieri kien dejjem dak li ispirani fil-mużika, abbażi ta’ kemm hu involut fl-industrija hawn Malta fil-mużika elettronika.”

"Il-fatt li missieri huwa wieħed mit-tim tagħtini ħafna kuraġġ għaliex meta nħares lejh niftakar f’meta kont żgħira u f’kemm kien jinkuraġġini biex inkompli naħdem fuq il-ħolma mużikali tiegħi."

gh

Iżżid li tinsab grata ħafna li kellha lil missierha jikteb il-kanzunetta magħha u ma’ Samira, kif ukoll jgħinhom jartikolaw x’riedu jfasslu fid-diska.

Julia u Samira kellmuna dwar dak li ġej wara Mużika Mużika wkoll. “Qed naħdmu kontinwament fuq xogħol ġdid u kollaborazzjonijiet kif ukoll nippreparaw ghal diversi gigs u tiġijiet.” Staqsejna wkoll dwar minn fejn oriġinat u ġiet ispirara l-kanzunetta tagħhom Mewġ

“Fil-verità, il-kanzunetta oriġinat waqt żmien ta’ mistrieħ mal-familja tagħna… waqt li konna qed inħarsu lejn il-ġmiel ta’ veduta mit-tieqa tal-appartament fi Xlendi, ġietna l-idea li nutilizzaw l-element tal-baħar fil-kanzunetta u li din pjuttost tkun waħda mill-elementi prinċipali fis-silta tagħna.” 

“Mewġ allura hija rigward kemm iż-żmien jgħaddi malajr ħafna, iżda l-element tal-baħar dejjem jibqa’ l-istess.”

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb