Joseph Debono, li ħafna żgur li jiftakruh minn Xarabank bħala James Bondin mill-awtorità tax-xandir ilu ma jidher fuq it-televiżjoni lokali għal dawn l-aħħar seba' snin. L-aħħar dehra tiegħu kienet proprju fil-programm Xarabank, Dawk li jafu lil Joseph jew ilhom bosta snin isegwu x-xena lokali jafu li Joseph kellu diversi programmi fuq it-televiżjoni u interpreta wkoll numru ta' karattri.

Hu kien jifforma parti mill-grupp dinamiku tal-programm Aħna Aħna Jew M'Aħniex. Waqt il-programm X'Sar Minnhom? li jidher fuq TVM kull nhar ta' Ħamis fl-22:05, Joseph stqarr li l-ewwel programm ta' Aħna Aħna Jew M'Aħniex ma kienx intlaqa' tajjeb, tant hu hekk li kienu anke nies qalulhom x'qed tagħmlu, qiskom boloh etċ... Hu jgħid li huma kienu ħadu kors sħiħ qabel bdew il-programm bħala parti mill-preparazzjoni tiegħu, il-programm ma damx ma qabad.

Joseph jgħid li jagħtix tort lin-nies minħabba li din kienet xi ħaġa kompletament ġdida għal pajjiż. Minn hemm kien ħa sehem f'diversi programmi, sakemm tfaċċa l-irwol ta' James Bondin. Dan il-karattru Joseph jgħid li ħolqu hu meta Peppi avviċinah sabiex jikteb xi ħaġa għal Xarabank. Id-differenza kienet li xtaq li jagħmel il-karattru hu. Kellhom isem ieħor qabel, dak ta' Kevin Costa imma fl-aħħar Joseph ħareġ bl-isem ta' James Bondin li ntlaqa' tajjeb mill-ewwel.

Hu kien għamel żmien twil jaħdem ġewwa bank, filwaqt li llum il-ġurnata hu gwida tat-turisti. Hu jgħid li jħobb ħafna l-istorja ta' Malta u minn hemm iddeċieda li jerġa' jibda jistudja u meta wasal biex jirtira mill-bank mexa għal dan ix-xogħol ġdid. Jistqarr li kienet ta' sfida kbira għalih li wara ġurnata xogħol imur jagħmel tliet sigħat jistudja fl-ITS, iżda jemmen li l-kors preparah sew u ma jiddispjaċihx. 

Jitkellem ukoll dwar il-bidla li għaddejja minnu Malta bħalissa. Jgħid li jħoss li forsi m'għadx hemm daqshekk bilanċ bejn il-kummerċ u n-nies li joqogħdu Malta. Hu jisħaq li hemm żbilanċ favur il-kummerċ. Isemmi l-bini li l-pajjiż ra dan l-aħħar u jistqarr li forsi ċertu bini li qed jinbena "mhux dejjem bini maħsub u ddisinjat jew li jmur mal-ambjent kif suppost."

Tista' tgħid li li ħareġ bl-ewwel kanzunetta rap bil-Malti meta kanta l-kanzunetta Aqtagħha fuq Xarabank. Il-mużika tibqa' għal qalb Joseph Debono. Meta mistoqsi jekk hux ħa nerġgħu naraw lil James Bondin, qal lil preżentatriċi li aħjar tistaqsi lilu. Hu għandu xi ideat għal fuq it-televiżjoni u għalkemm s'issa m'hemm l-ebda pjan jekk jiġi ċ-ċans jieħdu! 

X'Sar Minnhom?


Emil Calleja Bayliss