Għall-ġimgħa tal-Karnival, Gwida.mt tkellmet ma’ tifel ta’ 13-il sena, li għandu għall-qalbu ħafna l-karrijiet tal-Karnival. Mhux hekk biss, iżda f’età daqshekk żgħira, jaħdimhom ukoll!

Kayden Paul Cardona, minn meta kien għad kellu biss 6 snin diġà kienu jaffaxxinawh il-karrijiet tal-Karnival u meta kellu 8 snin għamel l-ewwel karru b’kaxxa ta’ żraben! Iddeċieda jagħmlu għax hu wkoll xtaq li jkollu karru għalih. Kayden Paul qalilna li, meta ħadu miegħu l-Belt, il-karru tant kien żgħir, li bdew jirfsuhulu n-nies. Għalih din kienet xi ħaġa li mhu se jinsa qatt!

Kayden Paul qalilna li din il-ħajra għall-karrijiet tal-Karnival ħadha minn missieru, li meta kien żgħir kien jaħdem il-karrijiet ukoll. Qalilna li missieru jgħinu daqsxejn fil-proċess tal-karrijiet, iżda l-karru jikkreah hu.

Fis-sena ta’ wara l-karru bil-kaxxa taż-żraben, għamel karru li jimxi bil-karozza tar-remote control u rnexxielu jieħu sehem bih fil-Karnival tal-Ħamrun! Is-sena l-oħra ddeċiedha li jkabbru u għamel karru bit-tema taċ-ċirklu! U din is-sena ddeċiedha li jkabbar aktar u għażel it-tema tal-baħar! Minjaf xi ġmiel ta’ karru ieħor se naraw mingħand Kayden Paul!

Kayden Paul qalilna li għalih din is-sena se tkun isbaħ mis-snin li għaddew għax se jkun qed jieħu sehem bih ġol-arena tal-Belt, tal-Ħamrun, tal-Marsa u anke ta’ Raħal Ġdid. Irringrazzja lil żewġt iħbieb tiegħu, Mattias Brimmer, li kkrealu l-logo tal-flokkijiet li se jilbsu u għamillu l-mużika, u lil Dwayne Azzopardi li għenu fiż-żebgħa.

Fl-aħħar u mhux l-inqas Kayden Paul irringrazzja lill-organizzaturi għax “tawni ċ-ċans li ngwadi dak li ħdimt għalih, flimkien mal-karrijiet l-oħra!” It-tim ta’ Gwida.mt jixtieq jawgura lil Kayden Paul u nammirawh għal dan it-talent impekkabbli li għandu! Ninsabu ħerqanin biex naraw il-karru ta’ din is-sena!


Yasmin Camilleri