Avenue Sky se jkunu qed jipparteċipaw fil-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej. Avenue Sky tkellmu ma’ Gwida.mt dwar l-esperjenza tagħhom kemm qabel il-parteċipazzjoni kif ukoll dak li hemm qed jitħejja.

Il-grupp tkellem magħna dwar l-għaqda ta’ bejniethom kif baqgħet dejjem soda. Staqasejnihom jekk affettwatx il-fatt li jitlaq membru mill-grupp.

“Meta persuna titlaq mill-grupp, bla dubju taffetwa xi ftit il-proġetti li jkollna ppjanati; madankollu, aħna l-erbgħa konna hemm mill-bidu nett ta’ dan il-proġett u għalhekk tagħmilha aktar faċli biex ir-relazzjoni dejjem kompliet tissaħħaħ.” 

Hemm ħsieb li għada pitgħada narawhom jinterpretaw kanzunetta waħidhom? Avenue Sky kellmuna wkoll dwar l-idea li jikkompetu bħala grupp f’diversi konkorsi.

“Individwalment, uħud minna ġieli ħasbu fl-idea li jingħaqdu f’boyband; iżda, qatt ma stennew li din l-idea setgħet isseħħ realtà u twassalna s’hawn."

"Kollha kemm aħna kuntenti li rnexxielna nwasslu lil Avenue Sky fil-finali ta’ bosta festivals lokali. Ħadd ma jaf x’hemm lest għalih fil-futur, u għalkemm qatt m’għalaqna l-bibien lil xulxin bħala solisti, bħalissa ffukati ħafna biex inkomplu nkabbru r-repertorju tal-grupp.” 

gh

Skoprejna wkoll li minkejja li qegħdin erba’ individwi differenti fil-grupp, xorta waħda dejjem irnexxielhom jaħdmu tajjeb flimkien. “Erbat imħuħ differenti, erba’ opinjonijiet varjati minn xulxin u bla dubju li kulħadd għandu l-karattru tiegħu.

Madankollu, is-sabiħ ta’ grupp hu li l-individwalità ta’ xulxin twassal għal amalgamazzjoni ta’ ideat li minna joħroġ prodott għal qalb l-erbgħa li aħna.” Tkellimna wkoll ma’ Avenue Sky dwar l-istil mużikali tagħhom bħala grupp.

Jispjegaw li dan jiddependi mill-viżjoni li jkollhom wara l-kanzunetta. “Diffiċli li nagħżlu stil wieħed favorit però ninsabu kuntenti ħafna bl-istil tal-kanzunetta Minn Taħt L-Ilsien għaliex minbarra l-messaġġ wara l-kanzunetta, l-armoniji jispikkaw.

L-armoniji huma l-forte ta’ Avenue Sky u għalhekk huwa importanti li kull kanzunetta li ninterprettaw toħroġ dan l-aspett.” Din hi s-sitt sena ta’ Avenu Sky. Kif kibret ir-relazzjoni ta’ bejn il-membri?

“Ir-relazzjoni tagħna kibret ferm u din tgħinna meta nkunu fuq il-palk sabiex noħorġu l-aqwa prestazzjoni possibbli. Meta jkun hemm sinerġija tajba bejnietna, din tiġi trażmessa lejn l-udjenza li tkun qed issegwina.” Avenue Sky kellmuna dwar il-messaġġ li hemm wara l-kanzunetta Minn Taħt l-Ilsien.

tr

“Hija tpinġi xena ta' qsim il-qalb ta' mara ddisprata f'belt fejn għaddejja gwerra ħarxa, tgħannaq lil uliedha u twiegħdhom li akkost ta' kollox trid teħlishom minn dan it-terrur li ma jistħoqqilhomx jitrabbew fih; waqt li suldat jaqdi dmiru għall-pajjiżu ’l bogħod minn familtu, joħlom li qed jerġa’ jħoss lil bintu li ħalla warajh, isserraħ rasha fuq spallejh u ssib il-wens!"

Il-kanzunetta fiha nfisha hija karba għal iktar empatija bejn ġnus, razez u popli li għalkemm b'differenzi kulturali, kollha qegħdin fl-istess baħar jissieltu għal ħajja ideali.”

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta. 


Kyle Zarb