Il-kantanta Amerikana Bebe Rexha, magħrufa minn uħud u le minn oħrajn, diġà kienet leħqet qajmet għagħa fostna qabel is-set tagħha ta’ Isle of MTV, meta żifnet għad-daqq ta’ ċertu innu politiku. Konxja jew le tal-impatt li ħalliet b’sempliċi Instagram story, issa żgur donnha se tqajjem polemika mill-ġdid hekk kif, bejn diska u oħra waqt is-serata tal-bieraħ, il-kantanta żvogat f’diskorsata qalila mal-udjenza fejn saħansitra ħeġġithom jgħollu subgħajhom tan-nofs fis-sema u jiżvogaw fil-kant magħha.

Bebe Rexha

Youtube

Il-fenomenu pop ta’ nisel Albaniż, appena spiċċat prestazzjoni ta’ waħda mid-diski, l-ewwel poġġiet bilqiegħda għarqana xraba biex – a la Maltija – taqsam ħsusha mal-udjenza dwar is-sħana intollerabli li laqtet il-gżejjer kif ukoll it-traffiku inevitabbli f’kull triq u kantuniera. Ta’ min kważi jaħsibha xi intiża tas-Salott!

Kien wara dan li ħeġġet lill-folla tal-avveniment, magħruf li jattira l-aktar liż-żgħar u ż-żgħażagħ, jgħollu s-swaba’ tan-nofs u jinfexxu f’għajat magħha li ejja biss ngħidu ma’ kienx nieqes minn kelma baxxa ‘l hemm u tgħajjira oħra ‘l hawn. Din il-parlata ta’ bixra wisq mhux ftit vulgari seħħet waqt li l-artista rrakkuntat l-esperjenza tagħha tgħix Los Angeles u l-attitudnijiet faċċoli li inzertat hemm.

Ta’ min isemmi li bħala stilla tal-pop globali, Rexha ma naqsitx milli tqajjem u tenerġizza l-pubbliku kemm Malti u internazzjonali quddiemha, u diskors ta’ dat-tip mal-udjenza mhumiex rari fl-ispettakli. Fl-istess waqt, jidher li l-approċċ tagħha qed jirċievi ċerta kritika mhux ħażin abbażi tal-aggressjoni li kien miżgħud bih.

X’taħsbu intom dwar din l-affari?

YouTube / MTV International


Kurt Gabriel Meli