Jessica, il-preżentatriċi tal-programm popolari Araniissa tkellmet magħna! Aħna kellna ċ-ċans nistaqsuha kif sejra l-avventura tagħha fuq il-programm flimkien ma' Joseph Chetcuti u anke dwar il-proġett li għandha wara l-bieb. Jidher li f'dan il-proġett Jessica ħa tkun il-protagonista!

Kif sejra bħala preżentatriċi ta’ programm popolari?

...u ruħi, kif trid li mmur? Kollox fuq ir-rubini. Bejnietna, smajt li tgħidx kemm żdiedet l-udjenza minn mindu bdejt nidher jien. Ifhem ikollhom jammettu li għamlu akkwist bija.

Bejnietna, lill-preżentatur l-ieħor imnalla ntih naqra ċans, għax kieku lanqas jinġabar. Imma x’naqbad ngħid? Jien nieħu gost niltaqa’ man-nies u narahom jieħdu pjaċir, għax wara kollox dak hu s-sabiħ tal-ħajja, li ngħixu u nidħqu flimkien.

X’ser ikun is-sehem tiegħek fil-pantomima?

Bla dubju ta’ xejn, il-parti tiegħi fil-pantomima hija parti prinċipali. Jien ngħix fil-villaġġ tal-Kuraġġ, qrib il-foresta ta’ Xerwood fejn jien sidt tal-Butir Hotel. Iva sewwa smajt, Butir Hotel, għax tant nagħtu servizz tajjeb lin-nies li ndewbuhom bil-pjaċir.

Dan il-business jogħġobni ħafna, għax permezz t’hekk, inkun nista’ niltaqa’ ma’ ħafna nies minn pajjiżi differenti u aħna nistmgħu lil kulħadd l-istess. Bejnietna jiena naqra tifla mqarba u tfajt għajnejja fuq ir-Re Rikkardu, ir-Re tal-villaġġ, imma dan ma jridx jaf, imma forsi bil-kuraġġ tan-nies li ġejjin jarawna, forsi ma tafx kif idawwar naqra fehmtu u jaqtagħli xewqti.

Tgħidilna ftit min hu Robin u Hood?

Ifhem, jien ma tantx inkun naf fuq in-nies, għax ma jinteressanix. Fil-villaġġ tagħna, jekk hemm xi ħaġa li togħġobni, hija li ħadd ma jilħaq salib ħaddieħor. Kulħadd moħħu f’xogħlu, eżatt bħall-Maltin ruħi. Li smajt hu, li Robin tgħidx kemm hu raġel gustuż. Iħobb jgħin lill-fqir u lill-batut, qisu l-hero tal-villaġġ.

Kif stajt naqbad kaptu, ix-Xerif seraq xi tfajla u Robin qed jipprova jeħlisha. Li naf ċert hu, li Robin ħabib ħafna ma’ Patri Mark Portobello, u tgħidx kemm iħobbha lil żaqqu, il-ħin kollu jnaqqarli minn ġol-kċina. Fuq Hood, ma tantx nista’ ntik informazzjoni. Kulma naf hu li hu Ġermaniż u issa ffissa fuq lavranta minn tiegħi, Priscilla. Issa x’ser iħawdu ma nafx, u naħseb aħjar ma nkunx naf!

Kemm-il libsa differenti ser tilbes?

Oh xi ġmiel din is-sena. Ngħidlek il-verità għadni lanqas għoddejthom għax jien inħobb inbiddel. Garanzija li żgur mhux se tarawni bl-istess libsa. Għandi ħajjat il-ħin kollu miegħi, joħodli l-qisien u jħit. Ħa ngħidlek Charles & Ron lanqas jibdew miegħu!

Jien nieħu din l-okkażjoni biex nistieden lil kulħadd biex din is-sena jiġi jara din il-pantomima bil-Malti. Żfin, kant, briju, spettaklu li ħadd m’għandu jitlef. Serata rilassanti li jekk ma toqogħdux attenti, għandkom imnejn tmutu bid-daħk, u biex ngħidu kollox, għax jien ma tantx inħobb niftaħar, titilfux l-okkażjoni biex taraw l-aqwa dama tal-Univers. Narakom

Il-pantomima tibda fit-22 ta' Diċembru u tibqa' sejra sat-12 ta' Jannar, ġewwa t-teatru tal-Università - Sir Temi Zammit. Għal dawk kollha li huma mħajrin imorru jaraw dan l-ispettaklu mill-aqwa, b'Jessica fil-qofol tiegħu jistgħu jaqtgħu l-biljetti billi jagħfsu HAWN.  


Anthony Baldacchino