Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, Gwen qasmet mas-segwaċi tagħha aħbar mill-isbaħ fejn żvelat is-somma li rnexxielha tiġbor wara li għamlet numru sabiħ ta’ figolli u b’hekk ser tun qed tgħin lil Puttinu.

Hi qalet, “It-total ta’ figolli li rnexxielna nagħmlu kien ta’ 860 bis-somma miġbura tkun dik ta’ 5751 ewro. Kull figolla inbiegħet għall-prezz ta’ sitt ewro. Kienu sitt ġimgħat ta’ ħidma bla waqfien, litteralment mit-Tnejn sal-Ħadd. Għajjejt? Iva għajjejt, imma f’moħħi kelli biss għan wieħed - dak li ngħin lil Puttinu permezz tal-ftit li naf u bil-ħin limitat li kelli. Għamilt dan biex nikseb iktar popolarità? Żgur li le!”

Żiedet tgħid, “Din hija r-raba’ sena li wettaqt dan il-proġett u ta’ kull sena l-għan ikun li nagħmel ftit iżjed figolli mis-sena ta’ qabel biex dejjem nipprova nkabbar is-somma finali, u rnexxieli. Dan il-proġett dejjem iħallini b’sens ta’ sodisfazzjon kbir għall-fatt illi l-flus imorru għal min verament għandu bżonn, u dan kien jimmotivani li ma niqafx qabel ma nlesti l-aħħar waħda. Fit-tqassim ukoll ridt inkun preżenti. Ridt niltaqa’ mas-segwaċi u nirringrazzjahom b’mod personali.”

Kompliet billi qalet, “Qassamna l-figolli kollha dar dar u ħafna qasmu stejjer magħna ta’ meta huma wkoll ġew bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu. Dawn l-istejjer, anke nismagħhom biss, kienu jagħtuni l-enerġija li mmur id-dar u nkompli ndaħħal l-ordnijiet u ntella’ l-produzzjoni. Dispjaċir wieħed biss għandi, li kelli nirrifjuta ĦAFNA nies, għax dawn il-figolli ġew mibjugħin f’qasir żmien! Iċ-ċavetta kienet waħda - d-determinazzjoni. Xorta mort l-iskola u laħħaqt mal-istudju, xorta komplejt bil- programm televiżiv li nkun fuqu, xorta qattajt il-ħin mal-familja u mal-ħbieb, għax nemmen li jrid ikun hemm ħin għal kollox. U fil-fatt hekk hu u rnexxieli nasal fejn ridt.”


Charlton Cefai