WINPOL, magħrufa wkoll bħala Waste Management Intelligent Systems and Policies, hu proġett ta' 54 xahar li jagħmel parti mill-programm Interreg Europe li hu iffinanzjat parzjalment mill-Unjoni Ewropea. Dan il-proġett jista' potenzjalment ikollu impatt fuq il-mod kif iċ-ċittadin Malti jarmi l-iskart tiegħu fis-snin li ġejjin.

Il-proġett huwa mmexxi minn EMULSA, kumpanija muniċipali tas-servizzi tal-ambjent urban ta' Gijón, ġewwa Spanja, u tinvolvi sħubija bejn disa’ entitajiet Ewropej tal-immaniġġjar tal-iskart minn reġjuni differenti; inkluż il-Belġju, il-Greċja, is-Slovenja, u r-Rumanija. F'Malta, il-proġett qed ikun sorveljat mill-ERA.

L-għan ewlieni ta' dan il-proġett huwa li jtejjeb is-sitwazzjoni ta' Malta fejn għandu x’jaqsam l-iskart. Dan isir billi nappoġġjaw u nippromwovu l-użu ta' teknoloġija intelliġenti u tagħmir intelliġenti fis-soċjetà, sabiex ikollna sistemi ta' rimi u ġbir ta' skart aktar effiċjenti.

"Malta għadha ġdida f'dan il-qasam, u għalhekk huwa importanti għalina li nitgħallmu minn pajjiżi oħra li diġà implimentaw u installaw din it- tip ta’ teknoloġija,” iżżid Marie Claire Attard Bason, uffiċjal tal-ERA.

Bis-saħħa ta’ WINPOL, l-ERA torganizza sensiela ta’ laqgħat ma’ diversi persuni minn setturi differenti, bil-għan li tiddiskuti t-teknoloġiji u s-sistemi kurrenti fis-settur tal-iskart u tidentifika teknoloġiji oħra, li huma ukoll disponibbli fis-swieq ewlenin, li jistgħu jiġu introdotti lokalment.

"Qabel ma nimplimentaw kwalunkwe miżuri u liġijiet, huwa importanti għalina li naraw u nifhmu kif ċerti tibdiliet jistgħu jolqtu lil dawk involuti - wara kollox, mhux kull sistema li ġiet implimentata f’pajjiżi oħra hija garantita li taħdem f'Malta," tgħid Marie Claire Attard Bason, uffiċjal tal-ERA.

L-avveniment li jmiss se jindirizza l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). L-Awtorità temmen li dawn il-kumpaniji għandhom ukoll rwol importanti ħafna fil-ħarsien tal-ambjent.

"Għalkemm nifmhu li għal bidu ċerti miżuri favur l-ambjent jaf ikunu finanzjarjament esiġenti, maż-żmien ċertament jagħtu spinta lin-negozju tagħhom, il-kredibilità tagħhom, il-kompetittività tagħhom u kif ukoll jiġġeneraw swieq ġodda," jisħaq George-Sam Mizzi, uffiċjal tal-ERA.

Jekk int interessat li tattendi dan l-avveniment, tista tikkuntattja l-ERA fuq [email protected] għal aktar informazzjoni.


Emil Calleja Bayliss