Is-serje l-ġdid Chernobyl ma’ damx wisq biex sab ruħu fost l-aqwa serje televiżivi fil-klassifika televiżiva ta’ IMDB tant li qabeż lil Game of Thrones, Breaking Bad u The Wire li huma kollha serje popolari mmens.

Dan is-serje hu rakkont dettaljat ta’ dak li ġara fid-diżastru nukleari ta’ l-1986 fl-Ukranja u x’kienu riperkussjonijiet tiegħu.

L-ewwel episodju xxandar fil-bidu ta’ Mejju ta’ din is-sena u hu mifhum li laħaq udjenzi ta’ iżjed minn żewġt miljuni. Eventwalment f’anqas minn tlett ġimgħat, Chernobyl tela’ tarġa tarġa fil-klassifika biex issa jinsab fil-quċċata tal-IMDB b’ riżultat ta’ 9.7 minn 10.

Meta wieħed iħares lejn is-serje li ddominaw ix-xena televiżiva fl-aħħar snin, Game of Thrones u Breaking Bad, it-tnejn li huma għandhom marka massima ta’ 9.3 minn 10.

Id-direttur ta’ dan is-serje, Zai Bennet stqarr li dawn ir-riżultati huma ta’ sodisfazzjon kbir u jinsab kuntent li t-telespettaturi qed igawdu dan is-serje.


Daniel Schembri