Gwida.mt tkellmet mal-grupp Malti Skald, grupp li jgħożż il-lingwa Maltija u huwa magħruf għall-istil mużikali partikolari tiegħu. Dan is-sajf niedew l-album tagħhom ‘Kura’ li ħareġ minn kollaborazzjoni li l-grupp kellu ma’ Festivals Malta.   

Kif nibet il-grupp Skald? 

Il-grupp Skald ġie iffurmat meta ġejna avviċinati sabiex bħala proġett jingħaqad grupp mużikali u jikkomponi mużika għal numru ta' poeżiji tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, u dawn jindaqqu f'serata kommemorattiva ddedikata lill-istess poeta ġewwa l-palazz ta' San Anton. 

 fd

X’inhi l-istorja warajhom u wara l-isem?

L-ewwel post li konna niltaqgħu nipprattikaw fih kien propju maħzen fejn jinżamm tagħmir u għodda tal-kostruzzjoni magħmula minn injam aħrax, u l-kelma Skald ġiet f'moħħna għaliex konna litteralment iċċirkondati bl-iskald. Wara ftit riċerka li saret sibna li Skald f'pajjiżi Skandinavi tfisser poeta li jagħti ġieħ lill-eroj tal-gwerra, u b'hekk ħassejna li kien ideali għax konna proprju qegħdin naħdmu fuq il-proġett li jikkommemora lill-poeta nazzjonali. 

X’inhuma l-karatterstiċi tal-istil mużikali kif ukoll tal-lirika tal-band Skald? 

Il-bażi tal-mużika tagħna nħobbu nirreferu għalih bħala "folk kontemporanju" imma l-mużika tagħna tiftaħ u tvarja fost elementi ta' reggae, jazz, blues, gipsy, flamenco u kwalunkwe stil li jispirana. Bħala lirika hemm taħlita ta' esperjenzi personali, storja ta' Malta kif ukoll ġrajjiet kurrenti u attwalità. 

Kieku kellkom tagħżlu l-iktar kanzunetta li għandha sentiment qawwi għalikom, liema tkun? Għaliex? 

Kull kanzunetta hija għal qalbna u nitfgħu ħafna sentimenti u passjoni fix-xogħol tagħna. Imma probabbli bħalissa jkollna nagħżlu d-diska Kura. Dan għaliex fiha tiġbor il-ħsieb tal-album kollu f'daqqa fejn f'kull kanzunetta qed infittxu l-kura għal bosta problemi jew sfidi li nsibu madwarna. 

 fg

Ftit ilu kellkom esperjenza mużikali ġewwa l-Portugall. Tgħidulna x’ġara eżatt? 

Ftit taż-żmien ilu ġejna avviċinati minn Festivals Malta fejn infurmawna li ġejna mistednin mill-ambaxxata Maltija fil-Portugall sabiex immorru nagħtu kunċert ġewwa Coimbra bħala parti mill-preparazzjoni biex din il-belt tingħata t-titlu tal-belt kapitali Ewropea tal-kultura. 

Biss ġara li aħna u sejrin (proprju siegħa qabel tirna lejn l-ajruport ta' Lisbona) tħabbret il-mewt tal-President Emeritus tal-pajiiż Jorge Sampaio u b'hekk tħabbar luttu nazzjonali u l-kunċerti li kien hemm pjanati għal dik it-tmiem il-ġimgħa kellhom jitħassru ħesrem. 

B'xorti tajba l-kunċert tagħna kien pjanat għal l-għada ta' din it-telfa u bis-saħħa tat-tim loġistiku ta' Festivals Malta u bis-sapport tal-aġenzija artistika fil-Portugal SET; saru l-arranġamenti neċċessarji sabiex inkunu parti minn serjè ta' kunċerti li jiġu trasmessi fuq pjattaforma li tagħti spazju lill-artisti Portugiżi, kemm online kif ukoll fuq it-televiżjoni Portugiż, u ġejna mistiedna biex niġu rrikordjati waqt li ndoqqu f'ambjent addatat u nkunu l-ewwel band internazzjonali li tagħti wirja fuq din il-pjattaforma. 

Xi sfidi kellkom taffaċċjaw qabel u matul din l-esperjenza? 

L-ikbar sfida kienet li biex iddoqq band live ġo pajjiż ieħor jirrikjedi ħafna ġarr ta' strumenti u apparat li mhux dejjem ikun faċli issibu fejn tkun sejjer, u l-uġigħ ta' ras bħalissa bla dubju hu l-ammont ta' karti minħabba saħħa u sigurtà fuq miżuri tal-Covid-19. 

 fg

X’hemm lest għal Skald għall-futur kemm lokali kif ukoll barra minn xtutna? 

Bħalissa qegħdin inkomplu naħdmu fuq xogħol ġdid u kif ukoll erġajna dħalna lura ġewwa l-istudio  Lito's Place biex naħdmu fuq proġett ieħor interessanti ħafna (Segwu il-paġna tagħna fuq Facebook għal iktar

Il-fatt li fil-mużika tagħna nużaw biss il-lingwa Maltija jaf tkun daqsxejn ta’ sfida biex inwassluha barra minn xtutna; imma la ġietna din l-opportunità u x-xogħol tagħna xorta ntgħoġob u ntlaqa', nemmnu li s-saħħa tal-mużika tegħleb il-ħajt tal-lingwa u tista' twassal il-messaġġ xorta.

Minn qalbna f'isem it-tim kollu ta' Gwida.mt nirringrazzjaw mill-ġdid lil Skald talli aċċettaw li jaqsmu magħna bosta esperjenzi minn tagħhom waqt din l-intervista. Nittamaw li naraw aktar xogħol mingħandkom ma ndumux, u nawgurawlkom aktar suċċessi fil-karriera tagħkom u fil-ħajja inġenerali!


Kyle Zarb