Dan il-weekend stajna ngawdu 20 kanzunetta ġdida bil-Malti bis-saħħa ta’ Mużika Mużika, Festival Tal-Kanzunetta Maltija, festival li sar taħt il-kappa ta’ Festivals Malta. Minħabba s-sitwazzjoni preżenti l-festival sar mingħajr udjenza u ttieħdu l-miżuri kollha possibbli.

Din l-edizzjoni kif tafu issa intrebħet mil-kantant, Glen Vella bil-kanzunetta, Ħarsa Biss, kliem ta’ Joe Julian Farrugia u mużika ta’ Philip Vella. B’vuċi impekkabbli, Glen ta interpretazzjoni brillanti ta’ din il-kanzunetta u rnexxielu jikseb 78 punt u jikklassifika fl-ewwel post. It-tim ta’ GWIDA kien pront jiltaqa’ mal-kantant rebbieħ biex insiru nafu ftit iktar fuq il-kanzunetta u l-mument tar-rebħa.

L-intervista ser tiġi ppubblikata sħiħa nhar il-Ħadd 4 t’April fir-rivista GWIDA. Qabel xejn nixtiequ niżvelaw silta mill-intervista.

Peress li ma kienx hemm udjenza, omm u missier Glen ma setgħux ikunu fis-sala. Din kienet xi ħaġa li affetwat lil Glen u magħna stqarr li ħassha ħafna għax kienet l-ewwel darba li ma rahomx fis-sala waqt li kien qed jagħti prestazzjoni.

“L-udjenza immissjajtha ħafna, iżda li ma kienx hemm ommi u missieri ħassejtha ħafna aktar. Lil dawn inħobbhom immens u anke jekk ikun hemm ħafna nies li kieku ma jkunx hemm dawn it-tnejn għalija jkun hemm xi ħaġa nieqsa. Huma l-udjenza tiegħi!” qalilna Glen.

Peress li kien jaf b’din is-sitwazzjoni, Glen xtaqt xorta li jkanta l-kanzunetta quddiemhom għalhekk waħda mill-provi stedinhom fl-istudjo tiegħu. “Peress li ma setgħux jiġu kont ħadthom l-istudjo tiegħi u waħda mill-provi għamiltha lilhom. Qagħdu l-udjenzi huma, ommi tgħidx kemm bkiet!”

Sintendi fis-sigħat bikrin tal-Ħadd, xħin il-festival kien spiċċa Glen mar dirett għand ommu u missieru biex jawgurawlu u baqgħu imqjamin, “Kienu ferħanin immens”.

Ma’ Glen tkellimna fuq il-kanzunetta li minkejja ma kinitx miktuba għalih, xħin sema’ l-kanzunetta l-ewwel darba mill-ewwel ftakar fl-ewwel ħarsa tiegħu u r-raġel tiegħu Sandro.

“Meta qrajt il-lirika mill-ewwel ftakart fl-ewwel darba meta lmaħt lil Sandro, 19-il sena ilu! Niftakar konna qegħdin f’musical fejn jien kont qed inkanta u Sandro jiżfen u f’xena partikolari kellna nagħmlu kuntatt bl-għajnejn u kien appuntu l-ewwel ħarsa li nibtet ir-relazzjoni tagħna.”

Gwida.mt jixtieq jawgura lit-tim rebbieħ u nittamaw li dan il-festival jibqa’ jsir għal ħafna u ħafna snin oħra sabiex inkomplu nagħmlu unur għal-lingwa Maltija.


Anthony Baldacchino