Ix-xjentisti fir-Renju Unit huma 80 fil-mija kunfidenti li l-vaċċin jista’ jkun lest sa Settembru. Jidher li f'testijiet li saru l-parteċipanti żviluppaw antibodies u ċelloli qattiela biex jiġġieldu l-Covid-19.

Parteċipanti fl-istudju ta’ Oxford ma’ AstraZeneca qed juru sinjali ta’ immunità u l-provi bikrija ta' vaċċin magħmul mill-Istati Uniti mid-ditta Moderna kienu ta' suċċess. L-effetti sekondarji huma ħfief u l-esperti jistqarru li hu "prezz żgħir li jħallas" għall-protezzjoni mill-Covid-19.

It-tama għal vaċċin tal-Covid-19 li jaħdem qed jikber hekk kif żewġ proġetti fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti rrappurtaw riżultati promettenti fl-esperimenti bikrija tagħhom. Kull wieħed ilu jaħdem fuq vaċċin esperimentali għal xhur biex jipprova jipproteġi miljuni ta' nies milli jaqbdu l-Coronavirus fil-futur.

Il-vaċċin jaħdem billi jġiegħel lill-ġisem jaħseb li huwa infettat bil-Covid-19 u b'hekk il-ġisem jipproduċi sustanzi immuni li għandhom il-ħila li jeqirduh. Il-prova tat-tielet fażi tal-vaċċin ta' Oxford tinvolvi madwar 14,00 persuna.

Dawn huma maqsuma għal 8,000 persuna madwar ir-Renju Unit u wkoll sa 6,000 persuna fil-Brażil u l-Afrika t'Isfel, fejn il-vaċċin jista' jkun aktar faċli biex jiġi ttestjat minħabba li aktar nies huma infettati bil-Coronavirus.


Emil Calleja Bayliss