Iż-Żebbuġin f’Għawdex għandhom bosta raġunijiet għalfejn għandhom ikunu kburin b’raħalhom, raħal pittoresk imdawwar bl-isbaħ ġmiel ta’ kampanja Għawdxija. Iżda fattur li lkoll huma kburin bih huwa li proprju fost is-sett ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira li nsibu f’dan ir-raħal, wieħed jista’ jsib l-unika vara tal-Aħħar Ċena ġewwa Għawdex.

Dawk li verament isegwu l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira fil-gżejjer Maltin persważ li jafu dwar dawn is-sett vari li nsibu f’dan ir-raħal li huma mlibbsin bi ħwejjeġ tan-newl li kien maħdum lokalment. Il-purċissjoni f’dan ir-raħal ilha ssir għal aktar minn mitt sena fejn kienu ġew ordnati l-ewwel sett vari ftit wara l-Ewwel Gwerra Dinjija.

F’dan ir-raħal, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira rat il-bidu tagħha proprju fis-sena 1919. Bdiet issir ta’ kull sena iżda waqfet għal xi żmien fit-tletinijiet. Fl-1965 iż-Żebbuġin reġgħu raw il-purċissjoni f’raħalhom, u minn dakinhar il-purċissjoni baqgħet dejjem tikber.

Facebook/Żebbuġ Gozo


Charlton Cefai