Ħaġa li ta’ kuljum tkun fuq fomm bosta min-nies hija s-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna u permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, Dr Nicholas Briffa tkellem dwar it-traffiku.

Beda billi qal, “Avvenimenti bħal tal-lum żgur li jżidu l-ansjetà fuq l-istudenti li kellhom l-eżamijiet tagħhom tas-Systems of Knowledge, fost eżamijiet oħra. Naħseb li wasal iż-żmien li l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet fil-lokalità tagħhom jew fil-viċinanzi. Ilbieraħ omm ta' tewmin qaltli li uliedhom għandhom eżamijiet f'żewġ lokalitajiet differenti. Trid tisma' biex temmen! Iżjed minn hekk għaliex xi ħadd minn Birżebbuġa għandu jitla' Pembroke għall-eżami? Nemmen li dawn huma affarijiet li jistgħu jiġu solvuti billi jiġu magħżula skont il-karti tal-identità tagħhom!”

Żied jgħid, “Iżjed minn hekk x'qieghed isir biex il-kawża prinċipali tat-traffiku, voldieri l-konġestjoni kbira ikkawżata mill-użu tal-karozzi jiġi mrażżan? X'inhu l-pjan? X'inhu l-pjan fl-immedjat? Hemm xi pjan fit-tul? Illum apparti l-ansjetà "normali" ta' qabel l-eżami u jekk humiex se jgħaddu jew le, l-istudenti tagħna kellhom piż ieħor - jekk humiex se jaslu fil-ħin jew le għall-eżami!”

Qal ukoll, “Naħseb li wasal iż-żmien li l-problema tat-traffiku ġewwa pajjiżna tiġi indirizzata b'deċiżjonijiet radikali u mhux populisti. Hawn professjonisti esperti fl-immaniġġjar tat-traffiku li jistgħu jgħinu. Kulħadd jista' jagħmel il-biċċa tiegħu iva. Fejn nistgħu iva għandna nużaw mezzi ta' trasport alternattiv bħar-rota, mixi, car pooling eċċ. Għaldaqstant xorta hemm bżonn ta' deċiżjonijiet kruċjali f'dan il-pajjiż dwar din it-tema anke jekk dan ifisser li jintirfsu ħafna kallijiet ... It-traffiku qed jaffettwa s-saħħa mentali tagħna...”

Facebook/Dr Nicholas Briffa


Charlton Cefai