Aħna ta' Gwida.mt, għal jum il-Milied kellna ċ-ċans li nitkellmu ftit ma' Chanelle Cardona. Chanelle din is-sena rajnieha tagħmel id-debutt tagħha fuq it-televiżjoni lokali permezz tas-sensiela Ulied Il-Lejl li qed tidher fuq NET TV.

Aħna sirna nafu ftit kurżitajiet fuq Chanelle relatati mal-Milied, kif taħsibha ta' żagħżugħa u kieku kellha tagħżel li tgħaddi jum il-Milied barra minn Malta fejn tasal li tqatta' dan il-jum.

Chanelle, l-ewwel Milied li tista’ tgħid bħala personalità għax in-nies saru jafuk permezz ta’ Ulied il-Lejl. Ħa jkun differeti dan il-Milied għalik?

Ma nħossx li għandu jkun differenti, le.

Tħobbhom il-festi tal-Milied u xi jfissru għalik? Hemm xi attività partikolari li tkun ħerqana għaliha?

Il-Milied inħobbu ħafna, forsi mhux daqs kemm kont inħobbu meta kont għadni żgħira però l-Milied bla ma rrid hija festa li ġġibli ferħ u nostalġija. Jien il-Milied inħares lejh bħala opportunità li tgħaqdek mal-familja. Ħafna mill-memorji li għandi mal-familja tiegħi huma f'dawn iż-żminijiet.

Attività partikolari li nkun qed nistenna ta' kull sena hija li bħala familja nifthemu ġurnata filgħaxija u kollha mmorru l-Belt Valletta flimkien. Hija xi ħaġa vera sempliċi imma hija xi ħaġa li vera nkun qed nistennieha.

Ir-rigali tista’ tgħid kulħadd jieħu gost bihom. Int waħda li tħobb taqla’ r-rigali jew inkella tħobb ukoll tixtri r-rigali?

Jien waħda li nħobb nagħti r-rigali. L-hena tiegħi nistenna biex nara r-reazzjoni tal-persuna li tkun qed tirċievi r-rigal u nkun ilni noqgħod attenta biex nara x'rigal inkun ħa nixtri dik is-sena. Imma ejja ngħidu li ma niddejjaqx naqla' xi rigal lanqas.

Int għadek pjuttost żagħżugħa. Taħseb li l-ispirtu tal-Milied iż-żgħażagħ għadhom iħossuh u jgħixuh?

Personalment, l-ispirtu tal-Milied xorta nħossu però mhux daqs kemm kont inħossu meta kont żgħira. Hemm differenza kbira lejn kif iħarsu lejh il-Milied it-tfal ma kif iħarsu lejh il-kbar.

Taf int, meta tkun żgħir temmen b'missier il-Milied u kemm ikunu iktar importanti r-rigali u din li nara d-differenza bejn kif iħarsu lejn il-Milied it-tfal ma kif jarawh il-kbar. Inħoss li meta tikber tara iktar it-tifsira vera tal-Milied. B'hekk nemmen li le, l-ispirtu tal-Milied ma jintilifx kompletament meta tikber.

Ġieli għaddejt Milied barra minn xtutna?

Le, dejjem qattajtu hawn Malta. Inħobb li fil-Milied inkun f'pajjiżi, bit-tradizzjonijiet Maltin imma naħseb kieku kelli nqattgħu f'pajjiż ieħor naħseb li jkun f'xi pajjiż fejn jagħmel is-silġ, taf int biex ikollok l-esperjenza kollha tal-Milied.

Hi tagħlaq billi tgħid lill-qarrejja tagħna, "Ħudu pjaċir, gawdu lill-familja u lill-ħbieb u aħsbu f'min hu inqas fortunat u ma jistax igawdi dawn il-festi."


Emil Calleja Bayliss