Din il-ġimgħa hija waħda importanti kemm għall-partitarji tal-futbol, kif ukoll għall-players minħabba li bdew ħerġin il-listi tal-għażla tal-players li ser jirrappreżentaw lil pajjiżhom fil-World Cup ġewwa l-Qatar.

Pajjiżi bħall-Ingilterra, Spanja, il-Portugall, Franza, il-Brażil u l-Ġermanja, fost oħrajn, diġà ħarġu din il-lista, b’bosta ismijiet jispikkaw aktar minn oħrajn.

Għall-Ingilterra jispikka l-player ta’ Leicester City, James Maddison wara li fl-aħħar irnexxielu jagħmilha fil-lista biex jirrappreżenta lil pajjiżu f’kompetizzjoni kbira. Min-naħa l-oħra, kien hemm diżappunt kbir għal Fikayo Tomori, li dan ma ntgħażilx minn Gareth Southgate għalkemm hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa difensuri fis-Serie A.

Illum ħarġet il-lista ta’ Spanja fejn kien hemm diżappunt għal Sergio Ramos u David De Gea, żewġ players li jinsabu f’forma tajba, imma mhux biżżejed biex jagħmluha fil-lista ta’ Luis Enrique.

Il-lista ta’ Franza kkonfermat l-assenza ta’ Paul Pogba u N’Golo Kante u b’hekk in-nofs taċ-champions renjanti se jkun kompletament differenti, bi players bħal Camavinga u Tchouemani.

It-tim Ġermaniż ra r-ritorn ta’ Mario Gotze, eks player ta’ Borussia Dortmund u Bayern Munich, l-istess player li skorja l-uniku gowl fil-finali tal-2014 fil-partita bejn il-Ġermanja u l-Arġentina.


Henzley  Bezzina